Internazzjonali

Il-Gwerra fl-Ukrajna: Jiżdiedu l-vittmi ċivili waqt il-bumbardamenti tar-Russi

Debris are scattered around the hole in a road at the site where several houses have been damaged by an explosion, following an air strike in Bila Tserkva, Kyiv Oblast, Ukraine March 5, 2022 in this picture obtained from social media. Kyiv Oblast Police/Handout via REUTERS THIS IMAGE HAS BEEN SUPPLIED BY A THIRD PARTY

Il-qawwiet tar-Russja, fl-aħħar sigħat, attakkaw lil diversi bliet tal-Ukrajna fejn inqatlu u ndarbu numru mhux determinat ta’ ċivili f’zona residenzjali fir-reġjun ta’ Kiev.

Il-missili laqtu numru ta’ bini, fosthom żewġ dormitorji tal-istudenti, fil-belt ta’ Rzhyshchiv, fil-limiti tal-kapitali — bil-kelliema għas-servizzi tal-emerġenza jikkonfermaw numru ta’ tfal fost il-midruba. Kienu anki rappurtati diversi nies nieqsa f’dik iz-zona,

Il-gwerra, intant, kompliet fuq numru ta’ fronti, bl-uffiċjali fil-Krimea li jappoġġjaw lir-Russja jsostnu li rnexxielhom jiddefendu ruħhom kontra attakk mid-drones tal-Ukreni li jingħad kien immirat għall-bastimenti tal-gwerra mal-Flotta Russa tal-Baħar l-Iswed. Ir-Russi fl-aħħar sigħat irrappurtaw li d-drones sfaw meqruda u li l-bastimenti inkwistjoni ma ġarrbu l-ebda ħsarat.

Fl-istess ħin, ir-residenti fil-belt tal-port ta’ Sevastopol irrappurtaw sensiela ta’ splużjonijiet fl-inħawi. Dan waqt li attakk ieħor separat mir-Russi fuq bini viċin ta’ monasteru f’Odesa issarraf f’numru ta’ midruba – bir-Russja anki tispara d-drones lejn ir-reġjun Ukren ta’ Zhytomyr.

Wara sar magħruf li fl-aħħar offensiva qalila ntużaw anki l-ajruplani tal-gwerra tar-Russi li kapaċi jġorru l-missili għal fuq id-distanzi kbar.

Il-President tal-Ukrajna, Volodymyr Zelensky, qal li pajjiżu, fl-aħħar sigħat, kellu jsofri offensiva ġdida tar-Russi li bbażat fuq il-missili, l-artillerija u d-drones speċjalizzati għall-attakki militari. U waqt li rrefera għaż-żjara mitmuma tal-President taċ-Ċina fir-Russja, Zelensky qal li ‘kulmeta xi ħadd ilissen il-kelma ‘paċi’ f’Moska, malajr toħroġ xi direttiva għal aktar attakki (fuq l-Ukreni)’.

Qabel telaq minn pajjiżu l-President Ċiniż Xi Jinping, il-President Russu Vladimir Putin kien sostna li diversi elementi tal-pjan għall-paċi mressaq miċ-Ċina jistgħu jiffurmaw il-bażi għal ftehim dwar l-Ukrajna u dment li l-Ukreni u l-Punent huma lesti li jaċċettawhom. Il-pjan, iżda, ma għamel l-ebda proposti speċifiċi u lanqas ma jsejjaħ biex it-truppi Russi jitilqu mill-artijiet tal-Ukrajna.