Internazzjonali

Il-Gwerra fl-Ukrajna: Kontra-attakk mill-qawwiet Ukreni f’Bakhmut

Il-qawwiet tal-Ukrajna wettqu kontra-attakk fuq il-pożizzjonijiet tal-militar Russu lejn il-punent ta’ Bakhmut. Dan meta l-Armata ta’ Moska għadha qed jippruvaw jieħdu l-kontroll ta’ din il-belt li ilha tiġġieled għaliha mill-aħħar tas-sajf.

Il-kontra-attakk mill-Ukreni jidher li kien intiż biex inaqqas mill-pressjoni tar-Russi fuq ir-rotta ewlenija minfejn qed jitwasslu l-provvisti lid-difensuri f’Bakhmut. U għalkemm id-difensuri Ukreni għadhom fil-periklu li jispiċċaw iċċirkondati mit-truppi tar-Russja, hemm ukoll possibbiltà realistika li l-assalt tar-Russi fuq il-belt beda jitlef mill-ispinta oriġinali.

Dan ukoll wara li xi taqsimiet militari tar-Russja kienu rilokati minn Bakhmut lejn setturi oħra tal-Ukrajna fuq id-direttivi speċifiċi tal-Kremlin.

Ftit tal-ħin ilu, il-President Zelensky żar l-inħawi ta’ Bakhmut fejn kellem lis-suldati fuq il-front tal-gwerra waqt li rringrazzjahom għall-isforzi biex jiddefendu lill-Ukrajna.