Lokali Qorti

Jingħata l-pleġġ wara raġel jinsab mixli fuq diversi akkużi ta’ serq f’Ħal Qormi

Raġel ta’ 40 sena minn Ħal Qormi li kien ġie mixli b’seba’ serqiet mill-istess ħanut ta’ l-isports, li jinsab fi Triq l-Iljun, f’Ħal Qormi stess ingħata l-pleġġ mill-Maġistrat Nadine Lia waqt il-kumpilazzjoni li tinsab għaddejja quddiemha. Tristan Falzon qed jiġi mixli li wettaq dawn is-serqiet f’Settembru u Ottubru li għadda. L-ewwel allegata serqa saret f’jum il-Vitorja għall-ħabta tal-10.50 am. Is-serqiet l-oħra li qed jiġi akkużat bihom saru fis-17 ta’ Settembru fil-5.30pm. jumejn wara fil-4.55pm. fis-26 ta’ Settembru  fil-4.50pm. u fit-30 ta’ Settembru fl-3.50pm.

L-Ispettur Clayton Camilleri qed jixli wkoll lil Falzon b’serqiet oħra f’Ottubru tal-2022, fit 2 ta’ Ottubru fil-11.30am u l-għada fis-6pm. Falzon ġie mixli wkoll li wettaq theddid u ħsara, li ħareġ barra mill-limiti tal-provokazzjoni, li kiser il-paċi pubblika u li ħebb għal persuna.

Ġie mixli wkoll li kkometta reat waqt il-perjodu ta’ kundizzjoni ta; libertà proviżorja, li sar reċidiv b’diversi sentenzi tal-Qorti filwaqt li kienet milqugħa talba mill-Prosekuzjoni biex tipprovdi għas-sigurtà tal-vittmi, f’dan il-każ, is-sidien tal-ħanut misruq.

Tristan Falzon huwa magħruf sew mal-Pulizija fuq reati oħra ta’ serq fosthom ta’ persuni anzjana. Fir-rigward tal-allegati serqiet mill-istess ħanut f’Ħal-Qormi, l-Avukat David Gatt deher għalih, fejn qabel kien qed jiġi assistit minn avukat tal-għajuna legali, bil-Qorti tilqa’ t-talba tal-Avukat Gatt għall-pleġġ, li ngħata fuq depożitu ta’ elf ewro, garanzija personali ta’ 15,000 ewro u li jrid jiffirma darbtejn fil-ġimgħa fl-Għassa tal-Pulizija ta’ Ħal Qormi.