Basketball Sport

Kampjonat BOV Irġiel: Mellieħa kontra Depiro u Starlites kontra Luxol fil-play-offs

Colin Schembri

Mellieħa Libertas………..85

Gżira Athleta……………….88

(29-28)(10-19)(22-16)(24-25)

Gżira Athleta sellmu l-istaġun 2022/2023 b’rebħa fuq il-leaders Mellieħa Libertas fi tmiem ta’ partita sabiħa u kumbattuta. Sa’ mill-ewwel sessjoni l-partita kienet missielta tant li fiha saru 57 punt fejn għal ħin twil iż-żewġ timijiet bdew jirrispondu lil xulxin. Mellieħa se jkollhom itemmu l-istaġun mingħajr l-Amerikan Connor Zinaich li sofra injury serja u sejjer lura pajjiżu biex jieħu l-kura neċessarja. Peter Shoults ukoll sellem karriera twila hekk kif fi tmiem il-partita ħabbar li din kienet l-aħħar partita tiegħhu. Intant il-partita fetħet b’diversi punti fuq iż-żewġ naħat fosthom trippli minn Luca Stefanovic u Nathan Xuereb għall-Athleta u Sebastien Valencia għal Mellieħa. Athleta marru 19-14 minn fuq qabel ma Mellieħa kellhom żewġ trippli minn Robert Bonnici f’run ta’ 11-2. Ir-risposta tal-Athlta ġiet minn Henry Van Herk u trippla ta’ Naz Buhagiar però basket ta’ Nikola Jovanovic poġġa lil Mellieħa minn fuq 29-28. Fit-tieni taqsima, Athleta ħasdu lill-avversarji b’run ta’ 17-0 bil-punti ta’ Van Herk, Shoults u Francesco Mifsud Bonnici fost l-oħrajn. Mellieħa finalment kellhom risposta bi 8 punti konsekuttivi b’żewġ three pointers minn Valencia biex Athleta daħlu jistrieħu 47-39 minn fuq.

It-tielet taqsima żammet l-istess andament hekk kif iż-żewġ timijiet bdew jirrispondu lil xulxin. Mellieħa għaddew biex għamlu break qasir ta’ 8-2 biex waslu sa’ basket ‘l bogħod 54-56. Wara punti minn Roland Griffen għall-Athleta, Mellieħa kellhom trippla oħra minn Bonnici però Athleta baqgħu basket minn fuq 63-61. Mellieħa rnexxielhom jieħdu vantaġġ fil-ftuħ tal-aħħar sessjoni wara baskets minn David Bugeja u trippla ta’ Valencia 71-69. Athleta rkupraw u għamlu run ta’ 10-0 bi trippla minn Ivan Medved però l-partita kienet għada miftuħa bil-Mellieħa jerġgħu jagħmlu run ta’ 13-2 bi trippla ta’ Vukassin Jandric u marru 85-81 minn fuq. Athleta ma ċedewx u trippla ta’ Mifsud Bonnici fetħitilhom l-aħħar run ta’ 7-0 li tathom ir-rebħa finali 88-85.

Mellieħa Libertas: M. Falzon 2, D. Bugeja 18, R. Bonnici 17, V. Jandric 10, I. Bonett 4, N. Bukva 8, N. Jovanovic 2, M. Formosa, O. Said, S. Valencia 24.

Gżira Athleta: H. Van Herk 22, F. Mifsud Bonnici 11, N. Buhagiar 9, P. Shoults 9, L. Stefanovic 11, N. Xuereb 13, R. Griffin 8, I. Xuereb, R. Abela, I. Medved 5, B. Zammit.

Referees: Zvezdan Dobrosaviljevic, Ivica Simic, Nicky Azzopardi

Hibernians……………..106      

Depiro…………………….100

(17-14)(16-21)(27-28)(17-11)(17-11)

Hibs ukoll sellmu lill-istaġun b’rebħa fi tmiem ta’ partita mill-isbaħ kontra Depiro bi skor ta’ 106-100 fejn kien meħtieġ il-ħin barrani. Depiro li kienu mingħajr Miguel Brincat u Kieron Caruana, issa jiltaqgħu kontra Mellieħa fis-semi-finali tal-playoffs li jibdew il-Ħadd li ġej. Hibs kellhom bidu mill-aqwa meta fetħu bi break ta’ 12-2 bil-punti ta’ Neil Cassar, Ivan Demcesen, Anton Axiaq u Luke Farrugia. Wara time-out minn Ruben Baldacchino, kien hemm risposta ta Depiro li kellhom il-punti ta’ Kameron Rooks u Miguel Mallia. Hibs wieġbu permezz ta’ Demcesen u minkejja li Depiro għamlu sitt punti oħra, Hibs temmew it-taqsima tlett punti minn fuq 17-14. Fil-ftuħ tat-tieni taqsima Hibs kabbru l-vantaġġ wara trippla ta’ Farrugia u l-punti ta’ Demcesen. Għal xi ħin iż-żewġ timijiet irrispondew lil xulxin biex il-Hibs żammew vantaġġ ta’ 12 -il punt 33-21. Hawn però Depiro ġew f’tagħhom u b’żewġ trippli ta’ Michael Debattista bdew run ta’ 14-0 fejn kien hemm il-punti ta’ Rooks biex daħlu jistrieħu basket minn fuq 35-33.

Fit-tielet sessjoni, Demcesen u Cassar poġġew lil Hibs fuq quddiem qabel ma kien hemm trippla minn Mallia għal Depiro biex reġgħu ħadu vantaġġ ta’ basket 46-44. Huma komplew b’ħames punti mingħajr rispsota qabel ma Hibs kellhom it-three pointers ta’ Matthew Attard. Hibs ma rnexxielhomx jaqilbu r-riżultat f’din it-taqsima hekk kif Rooks u Nicholas Grech komplew jirrispondu għal Depiro għal skor ta’ 63-60. Fir-raba’ taqsima Hibs kellhom aktar three pointers minn Attard flimkien ma’ Cassar u Farrugia għal skor ta’ 76-72. Il-partita kompliet tisbieħ bil-punti jkomplu ġejjin b’mod regolari fuq iż-żewġ naħat u hekk kif Depiro dehru resqin lejn rebħa, basket ta’ Demcesen fl-aħħar tlett sekondi għamel l-iskor indaqs 89-89. Fil-ħin barrani, Attard kompla għaddej bit-trippli għal Hibs li fetħu vantaġġ ta’ 5 punti 98-93. L-aħħar sforz ta’ Depiro wassalhom sa’ tlett punti ‘l bogħod però Hibs għalqu l-partita bil-punti ta’ Axiaq u Demcesen u ħarġu rebbieħa 106-100.

Hibernians: N. Cassar 18, P. Attard, D. Brincat Dawdall, L. Farrugia 14, L. Borg, A. Axiaq 7, R. Aquilina 1, M. Attard 21, M. Bezzina, I. Demcesen 45, G. Cassar.

Depiro: S. Galea 8, J. Micallef, N. Grech 12, A. Attard 1, K. Rooks 36, M. Mallia 15, C. Cornelius 22, M. Debattista 6.

Referees: Fiorentina Ciurariu, Bogdan Mrkojevic, Nicky Azzopardi

Starlites FIJO……………78

Bupa Luxol………………87

(22-23)(20-13)(25-30)(11-21)

Fil-partita li għalqet l-istaġun regolari, Bupa Luxol kisbu rebħa kontra Starlites FIJO 87-78. Din kienet it-tielet rebħa konsekuttiva ta’ Luxol fuq Starlites wara li eleminawhom mit-tazza Louis Borg aktar kmieni dan ix-xahar. Dawn iż-żewġ timijiet issa jiltaqgħu kontra xulxin fis-semi-finali tal-play-offs fl-aħjar minn tlett partiti. Starlites jittamaw li jirkupraw lil Matthew Attard li għal darb’oħra kien nieqes mil-formazzjoni ta’ Paul Ferrante. Kienu Starlites li ħadu l-ewwel vantaġġ ta’ 10-2 bi trippla ta’ Matthew Scerri flimkien ma’ Darius George u Zekiah Owens. Luxol wieġbu b’run ta’ 10-0 bi trippli minn Tayler Mattos u Trevian Bell. Starlites marru fuq quddiem wara baskets minn Louie Farrugia u Alec Felice Pace però kienu Luxol li temmew is-sessjoni minn fuq b’basket ta’ Matthew Sciberras għal skor ta’ 23-22 Fit-tieni sessjoni Starlites reġgħu ħadu l-vantaġġ fejn fost l-oħrajn kellhom trippla minn Jacob Bates. Luxol ippareġjaw 32-32 bil-punti ta’ Bell u trippla ta’ Jean Paul Schembri qabel ma Starlites għamlu 8 punti mingħajr risposta. Luxol għalqu s-sessjoni bi trippla ta’ Juan Cefai però Starlites kienu għadhom minn fuq 42-36.

Fit-tielet sessjoni, Starlites żammew il-vantaġġ wara l-punti ta’ Scerri u George. Luxol kellhom it-trippli minn Nikola Vasovic u Bell u ż-żewġ timijiet bdew jirrispondu lil xulxin għal kumplament tat-taqsima li Starlites temmewha punt minn fuq 67-66. Il-bidu tar-raba’ taqsima kien wieħed mill-aqwa għat-team ta’ Duncan Fenech hekk kif huma bdew b’run ta’ 17-2 fejn kellhom tlett trippli minn minn Bell u Schembri biex fetħu vantaġġ ta’ 14 -il punt 83-69. Starlites ppruvaw jikupraw però Luxol għamlu 4 punti oħra biex kellhom vantaġġ ta’ 16 -il punt 87-71. Starlites kellhom l-aħħar tentattiv li però ssarraf biss f’seba’ punti mingħajr risposta fosthom trippla ta’ Alec Felice Pace però kienu Luxol li ħarġu rebbieħa 87-78.

Starlites FIJO: A. Felice Pace 7, Z. Owens 24, J. Bates 8, I. Felice Pace 4, M. Fabri 2, L. Riolo, M. Scerri 10, R. Carabott 2, L. Farrugia 2, K. Xuereb 6, N. Sultana, D. George 15.

Bupa Luxol: J. Cefai 6, N. Vasovic 12, M. Sciberras 6, T. Bell 23, JP Schembri 8, A. Trapani, L. Trapani, T. Mattos 18, M. Matijevic 8, S. Cappello 2.

Referees: Zvezdan Dobrosaviljevic, Bogdan Mrkojevic, Nicky Azzopardi.