Lokali Qorti

Mixli li seraq €5,000 minn banka tal-lottu f’Bormla

Raġel ta’ 31 sena mill-Marsa nżamm arrestat wara li tressaq quddiem il-Maġistrat Yana Micallef Stafrace li seraq €5,000 minn banka tal-lottu li tinsab f’Bormla fil-lejl ta’ bejn is-Sibt u l-Ħadd li għadda. Kersten Catania ġie mixli wkoll li għamel ħsara fl-istess banka tal-lottu għad-dannu tal-kumpanija National Lotteries pls.

L-Ispetturi Kurt Farrugia u Gabriel Kitcher akkużawh ukoll li sar reċidiv, li kien qed iġorr sikkina mingħajr permess, li kkommetta reat waqt li kien taħt ordni ta’ probation fuq każ ieħor. Ġie mixli wkoll li kiser ordni ta’ trattament u li naqas milli jħares kundizzjonijiet oħra ta’ żewġ sentenzi li fihom ingħata l-ħelsien mill-arrest.

Minn informazzjoni li għandna jidher li Catania wara li ġie arrestat ġie arrestat u sakemm mar l-isptar skada l-ħin tal-arrest, ta’ 48 siegħa u ngħata l-police bail iżda ma marx meta mitlub u għaldaqstant ġie arrestat. L-Avukat tiegħu Noel Bianco qal li f’dan l-istadju ma kienx se jitlob għall-pleġġ tal-klijent tiegħu.