Futbol Sport

”Ninsab sodisfatt b’dak li rajt fl-aħħar ġimgħat mill-plejers” – Michele Marcolini (kowċ tat-tim Nazzjonali Malti)

(Ritratt: Mark Zammit Cordina)

Lejlet il-partita ta’ għada, li t-tim Nazzjonali Malti se jkun qed jilgħab barra min daru kontra l-Maċedonja ta’ Fuq, fil-Proeski National Stadium fi Skopje, qabel l-ewwel sessjoni ta’ taħriġ tat-tim Nazzjonali f’dan l-istadium, l-Erbgħa filgħaxija saret il-konferenza tal-aħbarijiet li għaliha kienu preżenti l-kowċ Michele Marcolini u d-difensur ta’ Ħamrun Spartans Steve Borg.

Marcolini qal li jinsab kuntent ħafna bl-iskwadra Maltija u sodisfatt b’dak li ra f’dawn l-aħħar ġimgħat fit-taħriġ. Huwa qal li jinsab kunfidenti u ċert li l-plejers kollha disponibli huma lesti biex jagħtu l-mija fil-mija tagħhom. Marcolini qal ukoll li t-training camp li sar fl-aħħar ġimgħat kien importanti ħafna biex hu sar jaf aktar lill-plejers kif ukoll biex jispjega l-ideat tattiċi tiegħu.

Dwar il-kummenti tal-kowċ tal-Maċedonja ta’ Fuq Blajoga Milevski, fejn dan qal li t-tim tal-Maċedonja huwa aħjar minn dak ta’ Malta, Marcolini qal li filwaqt li jirrispetta l-opinjoni ta’ Milevski jemmen li r-risposti jingħataw fil-pitch u li hu jinteressaħ biss dak li jagħmel it-tim Malti.

Il-plejers Maltin jitħarrġu fil-Proeski Stadium lejlet il-partita kontra l-Maċedonja ta’ Fuq (Ritratt: Mark Zammit Cordina)

Minn naħa tiegħu, d-difensur Steve Borg qal li bħala grupp jinsabu preparati tajjeb għal din il-partita u li l-atmosfera bejn il-plejers hija waħda pożittiva ħafna. Il-captain ta’ Ħamrun Spartans qal li kull kompetizzjoni hija iebsa għat-tim Nazzjonali Malti iżda f’dawn it-tmien logħbiet tal-grupp se jkunu qed jagħmlu dak kollu possibli sabiex jilħqu l-għanijiet li jixtiequ.

Mistoqsi dwar il-partita ta’ nhar il-Ħadd kontra l-Italja, Borg qal li t-tim jinsab iffokat mija fil-mija fuq il-logħba ta’ għada kontra l-Maċedonja mbagħad meta tgħaddi din il-partita jibdew jippreparaw fuq dik ta’ kontra l-Italja.

Michele Marcolini lest għad-debutt tiegħu mat-tim Nazzjonali Malti (Ritratt: Mark Zammit Cordina)