Lokali Qorti

Ordnat 40 siegħa ta’ xogħol fil-kommunità wara li kellu x’jaqsam ma’ martu mingħajr kunsens

Raġel ta’ 53 sena mis-Siġġiewi tqiegħed taħt ordni ta’ probation għal perjodu ta’ tliet snin u ġie ordnat jagħmel 40 siegħa xogħol fil-komunità wara li ammetta li f’Marzu tas-sena l-oħra kellu x’jaqsam ma’ martu mingħajr il-kunsens tagħha.

Il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit, Farrugia sabitu ħati wkoll li ffastidja lil martu. Il-prosekuzzjoni spjegat li l-każ seħħ fis-7 ta’ Marzu tal-2022 fid-dar tal-koppja, liema reati seħħew ukoll fix-xhur ta’ qabel din id-data. Fis-sentenza tagħha, il-Maġistrat innotat li l-akkużat għandu problem.

Kien fis-seduta tad-29 ta’ Marzu tal-2022, li l-imputat ammetta l-akkużi kollha  u talab li jitħejja ‘Pre Sentencing Report’ minn uffiċjal tal-Probation. Matul il-kumpilazzjoni ta’ dan ir-rapport ġie nnutat li l-problemi prinċipali li għandu l-imputat huma r-relazzjoni konjugali tiegħu kif ukoll in-nuqqas ta’ assertivita’ f’ċertu sitwazzjonijiet.

Diffikultà ohra mportanti hija n-nuqqas ta’ komunikazzjoni min-naħa tiegħu sabiex jagħti l-informazzjoni neċessarja biex b’hekk jiġu identifikati aħjar il-bżonnijiet tiegħu u jingħata l-gwida neċessarja għalihom. Għaldaqstant huwa importanti li jingħata sapport fir-rigward dawn iż-żewġ aspetti fil-ħajja tiegħu. Dan speċjalment minħabba l-fatt li ħajtu ġarrbet tibdil konsiderevoli fl-aħħar ftit xhur.  

Għaldaqstant ġie rakkomandat lill-Qorti li l-ħati jingħata Ordni ta’ Probation u Servizz skont l-Artikolu 18 tal-Kapitolu 446 tal-Liġijiet ta’ Malta fil-parametri hekk kif jidrilha xieraq.  Il-Qorti, wara li semgħet l-uffiċjal tal-Probation u x-xhieda minn naħa tad-difiża a rigward il-piena u wara li ħadet in konsiderazzjoni li tista’ tingħata piena taħt il-Kapitolu 446 tal-Liġijiet ta’ Malta, qalet li qed taqbel mar-rakkomandazzjonijiet tal-uffiċjal talProbation u tagħżel li tagħti piena riformattiva aktar milli punittiva.

Għal dawn il-motivi poġġietu taħt Ordni ta’ Probation għal tliet snin u Servizz għal 40 siegħa u kif ukoll liema ordni qed tifforma parti integrali minn din is-sentenza. Finlament il-Qorti spjegat fi kliem sempliċi r-riperkussjonijiet jekk din l-ordni ma tiġix obduta. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Joseph Busuttil u Sherona Buhagiar.