Lokali

Proposti għar-riforma fis-settur tal-liċenzjar tal-kuntratturi

Dalgħodu l-ADPD permezz taċ-Chairperson Carmel Cacopardo ppreżenta proposti formali in konnessjoni mal-konsultazzjoni pubblika li għaddejja dwar il-ħruġ ta’ liċenzja għall-industrija tal-kostruzzjoni.

Il-proċess ta’ liċenzjar tal-industrija tal-kostruzzjoni, minnu innifsu hu tajjeb u huwa ta’ ġid għax jgħin biex l-industrija tkun regolata aħjar u fuq kollox tkun responsabbilizzata. Madankollu hemm numru ta’ rakkomandazzjonijiet li ADPD jagħmel fis-sottomissjonijiet tiegħu għal konsultazzjoni pubblika dwar il-ħruġ ta’ liċenzja għall-industrija tal-kostruzzjoni biex l-għan ewlieni ta’ dan il-proċess jintlaħaq b’mod kemm jista’ jkun wiesa’.

Fis-sottomissjonijiet tiegħu l-ADPD isemmi li:

·         Esperjenza, kwalifiċi u taħriġ – it-taħriġ għandu jkun kriterju essenzjali għall-kisba tal-liċenzja u dan għandu jkun wieħed partikolarment meħtieġ għal min m’għandu l-ebda kwalifika formali;

·         Ċertifikat ta’ kondotta – għalkemm hemm numru ta’ reati li jitnaddfu minn dan iċ-ċertifikat wara numru ta’ snin, riżultat tal-liġi dwar iċ-ċertifikati tal-kondotta, il-Bord tal-Liċenzji għandu jara li jikkonsidra l-informazzjoni kollha dwar l-applikanti li tista’ tkun ta’ rilevenza fil-qasam tal-kostruzzjoni;

·         Imġiba, ilmenti u inċidenti – l-informazzjoni li l-Awtorità dwar il-Bini u l-Kostruzzjoni takkumula dwar is-siti ta’ kostruzzjoni għandha tingħata importanza kbira għaliex l-imġiba fl-operat ta’ kull applikant għandha jkollha relevanza kbira fid-deċiżjoni dwar il-ħruġ tal-liċenzja;

·         Assigurazzjoni – din tista’ sservi bħala double-check fuq is-sistema tal-liċenzjar għax tgħarbel ir-riskju ta’ kull applikant u potenzjalment tista’ tirrifjuta li tassigurah fejn dan ikun meħtieġ.