Lokali Saħħa

“L-Awditur Ġenerali diġà ta r-risposta fl-2020 lill-Prim Ministru” – PN

“Kollox kien miftiehem minn qabel. Il-poplu Malti u Għawdxi ġie ffrodat kważi €400 miljun.”

Dan kien il-messaġġ li twassal waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mid-Deputati Nazzjonalisti Darren Carabott, Graham Bencini kif ukoll David Agius…fejn il-Partit Nazzjonalista fakkar fiż-żewġ rapporti tal-Awditur Ġenerali illi kienu saru wara pressjoni mill-Partit Nazzjonalista għaliex il-Gvern ta’ Robert Abela baqa’ jiddefendi lil Vitals u Steward sal-aħħar.

Darren Carabott qal li wara s-sentenza li ngħatat ftit tal-ġimgħat ilu, Robert Abela baqa’ ma jridx jemmen il-fatti filwaqt li qed jipprova jbiddel dak li ntqal. Bid-deputat Nazzjonalista jisħaq li r-risposti li qed ifittex Robert Abela ħarġu fiż-żewġ rapporti tal-Awditur Ġenerali – fejn hemm il-fatti kollha iswed fuq l-abjad.

Minn naħa tiegħu d-Deputat Nazzjonalista Graham Bencini qal li l-ewwel rapport tal-Awditur Ġenerali jagħmilha ċara li l-Gvern kellu ftehim minn qabel ma’ Vitals qabel ma ħarġet is-sejħa għall-proposti pubbliċi.

Barra minn hekk huwa insista li l-ex Prim Ministru Joseph Muscat ma qalx il-verità kollha għaliex ir-rapport jgħid biċ-ċar li l-Kabinett ta’ dak iż-żmien ma kienx involut fil-proċess kollu.

Id-Deputat Nazzjonalista David Agius minn naħa tiegħu qal li t-tieni rapport tal-Awditur Ġenerali ġie ppubblikat f’Diċembru tal-2020 iżda baqa’ t-tielet rapport.

Barra minn hekk huwa spjega li Konrad Mizzi qatt ma mar quddiem l-Awditur Ġenerali għalkemm kien mitlub li jidher quddiem l-NAO diversi drabi. Id-Deputat Nazzjonalista qal li dan ir-rapport jsostni li l-Gvern ma kienx ippreparat għal din il-konċessjoni.