Sport Waterpolo

Valletta jiksbu l-aħħar post għad-dispożizzjoni fil-Kampjonat Premier

(Ritratt: Catriel Farrugia)

Stewart Said

BIRŻEBBUĠA FREEPORT……. 11

VALLETTA IZIBET……………….. 11

(1-3), (3-4), (4-3), (3-1)

Birżebbuġa: C.D. Borg, P. Borg (3), N. Cassar (3), B. Grech, K. Grech (1), N. Fenech, R. Spiteri, D. Farrugia, K. Tanti (2), G. Mannino (2), W. Mizzi, S. Livori, I. Galea, S. Bezzina

Valletta: B. Busuttil, J. Spiteri Staines (1), Z. Micallef, J. Cassar, S. Busuttil (3), K. Borg (6), D. Paolella, J. Chircop (1), S. Micallef, A. Agius, M. Demarco, K. Cremona, A. Theuma

Referees: Massimo Angileri, Neville Mercieca

Valletta Izibet irnexxielhom jiksbu l-aħħar post li kien fadal fil-Kampjonat Premier bi draw fil-konfront dirett kontra Birżebbuġa Freeport. Konfront bilanċjat li fih Valletta bnew vantaġġ fl-ewwel parti iżda l-avversarji rkupraw u evitaw it-telfa.

Kieyan Borg wieġeb għall-gowl inizjali ta’ Keith Tanti bi tripletta li biha poġġa lil Valletta 3-1 minn fuq. Borg kompla jkabbar il-vantaġġ ta’ Valletta fit-tieni sessjoni għal 5-2 u għalkemm Birżebbuġa naqqsu d-distakk darbtejn, Valletta temmew it-tieni sessjoni 7-4.

Birżebbuġa baqgħu fil-logħba fit-tielet sessjoni b’żewġ gowls fl-aħħar żewġ minuti biex naqqsu d-distakk għal 10-8. Il-gowl ta’ Julian Chircop seta’ qatel it-tamiet ta’ Birżebbuġa iżda t-tim ta’ Pierre Borg skorja tliet darbiet fl-aħħar tliet minuti, bil-gowl tad-draw jasal minn Giusepe Mannino 34 sekonda mit-tmiem. Madankollu ma kienx fadlilhom ħin biex jirbħu l-logħba.

SAN ĠILJAN JP PROJECTS…. 19

SIRENS…………………………………… 9

(5-0), (5-0), (4-3), (5-6)

San Ġiljan: J. Tanti, N. Bugelli (2), A. Galea (1), G. Bonavia, R. Caruana, M. Zammit (3), B. Plumpton (3), J. Bonavia, J. Abela (1), N. Zammit (5), D. Zammit (1), N. Bonavia (1), G. Borg, S. Cutajar, K. Calleja (2)

Sirens: T. Micallef, P. Serracino, T. Perici Ferrante, J. Cachia (2), J. Zerafa Gregory (1), G. Farrugia, M. Chircop (3), W. Ruggier, G. Sammut, M. Cutajar, M. Sciberras, M. Azzopardi (3), K. Agius, J. Cauchi

Referees: Alex De Raffaele, Ronnie Spiteri

Punti massimi għal San Ġiljan JP Projects fi tmiem l-ewwel fażi. Mingħajr diffikultà għelbu lil Sirens 19-9, bid-differenza ssir fl-ewwel nofs tal-logħba.

Ħames gowls mingħajr risposta fl-ewwel sessjoni wittew it-triq għar-rebħa Ġiljaniża, b’Nikolai Zammit jiskorja tlieta minnhom. It-tim ta’ Zeljko Kovacic aċċerta mir-rebħa fit-tieni sessjoni b’ħames gowls oħra konsekuttivi li waslu minn ħames plejers differenti.

Il-logħba ħadet xejra differenti fit-tieni parti tagħha, b’Sirens jistejqru ftit filwaqt li Kovacic serraħ uħud mill-aqwa elementi fit-tim. Fl-aħħar sessjoni, Sirens kellhom iċ-ċans li jagħmlu l-iskor ftit rispettabbli, b’żewġ tripletti ta’ Matthias Azzopardi u Matthew Chircop.

OTTERS NIVEA…………………….. 8

MARSAXLOKK BROWN’S…… 6

(2-0), (1-3), (4-1), (1-2)

Otters: M. Xerri, D. Dimech (1), K. Micallef, M. Meli, A. Bianchi (1), I. Azzopardi, S. Dimech (1), L. Dimech (2), K. Saliba, M. Farrugia (2), A. Dimech (1), M. Grech

Marsaxlokk: M. Brimmer, M. Lanzon (1), B. Zammit, M. Aquilina, E. Bonnici (1), J. Valletta, M. Farrugia (1), G. Gatt, J. Pawley (1), C. Cutajar (2), J. Borg Tabone, S. Mifsud, A. Aquilina, R. Scerri

Referees: Peter Balzan, Stefan Licari

Otters Nivea kisbu l-ewwel rebħa tagħhom f’din l-edizzjoni f’dak li kien konfront bejn żewġ timijiet li kienu għadhom mingħajr punti.

It-tim Għawdxi kellu vantaġġ doppju fl-ewwel sessjoni iżda ż-żgħażagħ ta’ Marsaxlokk irnexxielhom iġibu d-draw darbtejn tul it-tieni sessjoni u b’hekk annullaw id-distakk.

Madankollu kienu tliet gowls fi spazju ta’ anqas minn żewġ minuti mill-ftuħ tat-tielet sessjoni li taw vantaġġ ta’ 6-3 lil Otters. Dan il-vantaġġ spiċċa biex għamel id-differenza hekk kif ix-Xlukkajri setgħu jersqu biss sa żewġ gowls bogħod sa tmiem il-logħba.