Lokali

Wellbeing INDEX Project juri li r-residenti tat-Tramuntana tal-port huma l-inqas sodisfatti

“Ir-residenti fin-naħa tat-Tramuntana tal-port jħossu l-inqas sodisfazzjon f’ħajjithom.”

Dan ħareġ waqt konferenza organizzata l-Erbgħa filgħodu fil-Parlament hekk kif ġew ippreżentati r-riżultati tal-Wellbeing INDEX Project tal-2021 wara li din il-ġimgħa ġie ċċelebrat il-Jum Internazzjonali tal-Kuntentizza.

Dan l-istudju beda sentejn ilu mill-Fondazzjoni tal-Benessri Soċjali flimkien mal-Università ta’ Malta.

Waqt din il-konferenza intqal li n-naħa tat-Tramuntana tal-port għandu l-aktar popolazzjoni densa f’pajjiżna hekk kif dan ir-reġjun jinkludi lokalitajiet fosthom Tas-Sliema, Imsida, Pietà, Gżira kif ukoll San Ġiljan.

Fl-indirizz tagħha l-President Emeritu Marie Louise Coleiro Preca qalet li f’ġurnata bħal din jeħtieġ li niffukaw fuq prinċipji li jwasslu għal soċjetà aktar inklussiva u bilanċjata li jippromovi aktar kuntentizza f’pajjiżna.

Minn naħa tagħha, l-ekonomista Marie Briguglio qalet li d-‘data’ li nġabret turi evidenza ta’ kemm kien hemm differenza fil-benessri soċjali skont il-ġeneru, id-distrett u l-età.

Barra minn hekk, Briguglio qalet li dan l-istudju wera żieda fis-solitudni filwaqt li l-ammont ta’ nies nervużi f’pajjiżna baqa’ wieħed għoli. Dawn ir-riżultati huma simili għar-rapport dinji tal-kuntenizza tal-2023.

Waqt din il-konferenza intqal li l-pass li jmiss f’dan il-proġett huwa li jiffoka fuq il-benessri soċjali tat-tfal u ż-żgħażagħ għaliex huma l-futur ta’ pajjiżna u għandhom ikollhom ħajja mill-aħjar mimlija opportunitajiet.