Lokali

Żvelati iktar ‘chats’ bejn Rosianne Cutajar u Yorgen Fenech

"Ma jimpurtanix... kulħadd jitħanżer"

Chats bejn id-Deputat Laburista Rosianne Cutajar u n-negozjant Yorgen Fenech ikomplu jitfgħu dawl fuq kemm Fenech kien ħaġa waħda ma’ Kastilja… meta dak iż-żmien fit-tmun kien hemm l-eks Prim Ministru Joseph Muscat, u meta Robert Abela kien deputat u konsulent tal-Kabinett.

Dawn iċ-chats li jammontaw għal iktar minn 2,000 messaġġ kienu ippubblikati mill-eks Delegat Laburista Mark Camilleri – chats illi juri r-relazzjoni intima li kien hemm bejn Cutajar u Fenech, u li jiżvelaw informazzjoni sensittiva li għaddiet bejn dawn iż-żewġ persuni; informazzjoni li tirrigwardja personaġġi għolja fi ħdan il-Gvern tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat.

Mill-messaġġi joħroġ ċar illi Yorgen Fenech… kien jaf meta se jsir reshuffle tal-Kabinett.. kien jaf min se jilħaq Kummissarju Malti fl-Ewropa…. Kien jaf dak li kien għaddej dwar l-eks Ministu Chris Cardona u Konrad Mizzi… kien ħaġa waħda ma’ Keith Schembru – f’kelma waħda ‘kien jaf kollox’…kull informazzjoni li kienet ġejja minn Kastilja. Tant li f’konversazzjoni minnhom id-Deputata Laburista tagħti parir lill-istess Fenech biex ikellem lill-Prim Ministru u lil Keith Schembri… b’Fenech jikkonferma li mar ‘jarah’.

F’messaġġ partikolari Rosianne Cutajar kitbet preċiżament dawn il-kliem… “ħa nidħol konsulenta u ndaħħal paga oħra. Ma jimpurtanix, kulħadd jitħanżer.” Kliem perfett li jiddeskrivi preċiżament l-għaxar snin ta’ Gvern Laburista.

Bil-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech jkun minn tal-ewwel li jikkundanna dan l-aġir tad-Deputat Laburista u jgħid li l-Prim Ministru Robert Abela missu ilu li ħa azzjoni fil-konfront ta’ Rosianne Cutajar.  

Min-naħa tiegħu, l-allegat kompliċi fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia jikteb li Malta saret ‘pajjiż marid’…. B’Cutajar taqbel perfettament ma’ dak li kiteb. Jgħid ukoll li qed jgħix f’pajjiż miġnun…. U Cutajar twieġeb bil-kliem ‘jien xbajt’.

Apparti minn hekk, f’messaġġ minnhom Cutajar tiddubita bl-aġir ta’ Joseph Muscat u tistaqsi lil Yorgen Fenech jekk il-Prim Ministru tilifx il-kontroll.  Fl-istess messaġġi jkun konfermat li Rosianne Cutajar ħadet flus mis-senserija ta’ bejgħ ta’ dar fl-Imdina bl-involviment tal-istess Yorgen Fenech… flus li jammontaw għal madwar 9,000 ewro.