Lokali

“Abela dgħajjef u rikattat quddiem ħniżrijiet istituzjonalizzati” – PN

Pajiżna qed jara ħniżrijiet istituzzjonalizzati aktar ma joħorġu skandli, aktar il-Prim Ministru Robert Abela qed jibqa’ jiddefendi l-indifensibbli.

Sostniet dan id-Deputat Nazzjonalista Claudette Buttigieg, meta f’konferenza tal-aħbarijiet indirizzatha flimkien mad-Deputat Parlamentari Nazzjonalista Mark Anthony Sammut, hija insistiet li jkun żball enormi jekk inħarsu lejn l-iskambju ta’ messaġġi bejn id-Deputat Laburista Rosianne Cutajar u n-negozjant Yorgen Fenech minn lat intimu. Hija saħqet li dawk il-messaġġi huma rrelevanti, iżda huma ta’ importanza kbira l-messaġġi li jħallu effett politiku qawwi.

Claudette Buttigieg sostniet li dawn il-messaġġi jqiegħduna f’sitwazzjoni gravi għall-aħħar u serja immens – partikolarment fejn Rosianne Cutajar saħqet li kulħadd qed jitħanżer – ċertifikat ċar tal-attitudni tal-Gvern Laburista.

Dan filwaqt li kompliet tisħaq li biex Robert Abela qed jibqa’ jiddefendiha – d-domanda tasal waħedha – x’taf Rosianne Cutajar fuq il-Partit Laburista…u fuq Abela nnifsu?

Mark Anthony Sammut insista li l-Prim Ministru Robert Abela saħaq li għalih il-każ ta’ Cutajar huwa case closed madanakollu staqsa għaliex għal Abela mhux importnati li negozjant suspettat fi qtil jidher li kellu għarfien u influwenza fuq id-deċiżjonijiet tal-Kabinett.

Dan filwaqt li staqsa jekk għal Abela hux inkwetanti li Rosianne Cutajar kienet qed tuża l-pożizzjoni tagħha biex tiddefendi lil Fenech fir-rigward ta’ 17 Black…waqt li kienet qed tirċievi rigali minn għandu.

Huwa insista li quddiem dan u aktar…fosthom l-iskandlu ta’ Vitals u Steward…il-Mexxej Laburista huwa dgħajjef tant li qed jagħti l-barka tiegħu.

Huma staqsew kif qed jingħad li din l-evidenza kienet f’idejn il-Pulizija għal 3 snin sħaħ u ma ttieħdux passi. Dan filwaqt li insistew li filwaqt li l-Pulizija qed tinvestiga mnejn ħarġu dawn iċ-chats…huwa importanti li l-investigaturi jixħtu għajnejhom dwar l-illegalitajiet oxxeni li jissemmgħu f’tali korrispondenza bejn Rosianne Cutajar u Yorgen Fenech.