Internazzjonali

Franza: Ma jaqtgħu xejn il-protesti kontra l-Gvern fl-issue tal-pensjonijiet

Il-Franċiżi qed ikomplu jipprotestaw bl-eluf tagħhom fost arja tqila ta’ rivoluzzjoni minħabba l-leġislazzjoni li qed iżżid l-età għall-irtirar mix-xogħol minn 62 għal 64 sena. Dan waqt li l-folol kbar tad-dimostranti reġgħu mlew it-toroq ta’ Pariġi, Rennes, Toulouse, Nantes, Montpellier u bliet oħra waqt id-disa’ jum ta’ strajks u protesti jaħarqu.

Il-Ministeru tal-Intern Franċiż qed jistenna li d-dimostrazzjonijiet ‘nazzjonali’ jinkludu talanqas 800,000 ruħ, bil-Gvern ipoġġi lil 12,000 membru tal-pulizija fuq allert meta l-kriżi għaz-zamma tal-bwon ordni qed taqleb dejjem għall-agħar fil-pajjiż.

L-istrajks attwali qed iħarbtu l-programmi tal-iskejjel minbarra t-trasport pubbliku, bid-dimostranti qed itellfu wkoll il-funzjoni tal-ferroviji. Dan waqt li naqset il-provvista tal-petrol b’kaġun tal-azzjonijiet industrijali fir-raffineriji taż-żejt u bil-problema qed taffettwa wkoll il-provvista ta’ fuel lill-ajruplani.

Min-naħa tiegħu, il-President Franċiż Emmanuel Macron kompla jiddefendi r-riformi tal-Gvern fis-settur tal-pensjonijiet bħala ‘neċessarji għall-futur tal-Istat’. Iżda l-ispjegazzjonijiet tiegħu qed jaqgħu fuq il-widnejn torox wara li l-Gvern insista li jgħaddi l-leġislazzjoni kontroversjali mingħajr vot relevanti fil-Parlament ta’ Pariġi.