Frar li għadda tniżżel fir-rekords tal-Uffiċċju Meteoroloġiku bħala wieħed mill-aktar xhur imxarrbin li l-gżejjer Maltin esperjenzaw fl-aħħar snin hekk kif tkejlu 181 mm xita. Fil-fatt ix-xitwa meteoroloġika pproduċiet 257.4 mm xita, li 70% minnha niżlet matul ix-xahar ta’ Frar.
L-aktar ġurnata mxarrba kienet il-Ħamis 9 ta’ Frar, meta niżlet aktar mid-doppju tal-medja tax-xita li normalment tinżel matul ix-xahar kollu. Fil-fatt, dakinhar biss, l-Uffiċċju Meteoroloġiku f’Ħal Luqa kejjel 140.4 mm xita u dan hekk kif il-maltempata Helios ħakmet il-gżejjer Maltin u partijiet oħra fiċ-ċentru tal-Mediterran. L-istess ġurnata u anke s-seba’ ġurnata ta’ Frar tniżżlu bħala l-aktar jiem imdallma, bix-xemx tibqa’ kompletament moħbija wara s-sħab griż.
Temp instabbli kompla wkoll fil-ġurnata ta’ wara bl-Uffiċċju Meteoroloġiku jġedded it-twissija tiegħu minħabba r-riħ qawwi. Fl-10 ta’ Frar kienet imkejla l-aktar buffura ta’ riħ b’saħħitha tax-xahar li nefħet mix-Xlokk kwarta Lvant u laħqet id-49 knot. Minkejja dan, Frar kien aktar kalm milli mistenni, hekk kif il-medja tal-qawwa tar-riħ kienet ta’ 7.9 knots, meta n-norma klimatika għal dan ix-xahar hija ta’ 9.4 knots.
It-temp qaleb għall-aħjar ma’ tmiem il-ġimgħa tal-Karnival u ppermetta li jsiru ċ-ċelebrazzjonijiet kollha li kienu ppjanati fuq barra. Fil-fatt, l-aħħar jum tal-Karnival kienet l-aktar ġurnata mdawla ta’ Frar hekk kif dakinhar kienu mkejla aktar minn 9.1 sigħat xemxin. L-għada, kienet imkejla l-aktar temperatura sħuna għal Frar li telgħet għal 18.8°C, filwaqt li fl-aktar ġurnata kiesħa, jiġifieri fis-6 ta’ Frar, it-temperatura niżlet għal 5.3°C.
It-temperatura medja ta’ Frar, li kejlet 12.2°C, kienet 0.4°C inqas min-norma klimatika, filwaqt li t-temperatura medja ta’ wiċċ il-baħar kienet ta’ 16.3°C, jiġifieri 1°C ogħla min-norma.
It-temp stabbli li kkaratterizza l-biċċa kbira tat-tieni nofs ta’ Frar, flimkien mal-uċuh tar-raba’ li kienu għadhom mifqugħin bl-ilma wara x-xita qawwija li ġabet il-maltempata Helios, ħolqu l-kundizzjonijiet perfetti biex jifforma ċpar oħxon u persistenti li għatta l-gżejjer Maltin fl-għodwa tat-23 ta’ Frar. Din kenet ġurnata waħda, minn erbgħa, li matulhom l-Uffiċċju Meteoroloġija rrapporta ċ-ċpar.
//= $special ?>