Internazzjonali

Il-Gwerra fl-Ukrajna: ‘Eqreb tal-element nukleari’ skont it-Tmexxija tar-Russja

Ir-Russja qed iżżid l-istqarrijiet aggressivi biex turi r-rabja għall-Punent talli kompla jissupplixxi lill-Ukrajna bl-armi biex tirreżisti aħjar l-invażjoni ta’ artha mill-qawwiet tal-Kremlin.,..U fl-aħħar sigħat, l-eks President Russu Dmitry Medvedev wissa li ‘il-Punent qed tressaq lid-dinja eqreb ta’ apokalissi nukleari’ – b’theddida ovvja li Moska lesta biex tuża l-armamenti projbiti għall-qerda tal-massa jekk kemm-il darba tispiċċa b’darha mal-ħajt.

Medvedev, illum il-Viċi-Chairman tal-Kunsill tas-Sigurtà tar-Russja, għamel diskors fuq filmat fejn qal li żdiedet it-theddida ta’ konflitt nukleari u li ‘din l-apokalissi’ qed tasal aktar fil-qrib aktar mal-Istati tal-Punent jipprovdu l-armamenti lill-Ukreni.

Ir-rabja tar-Russi qed tidher evidenti wkoll fil-kummenti tal-kapijiet tal-media f’Moska. Dan waqt li Vladimir Solovyov, alleat kbir tal-Kremlin li jmexxi programm politiku ewlieni fuq it-televiżjoni Russa, qal li dawk il-pajjiżi li jippruvaw jarrestaw lill-President Russu Vladimir Putin jispiċċaw ‘suġġetti għal attakk nukleari immedjat.’

Il-Qorti Kriminali Internazzjonali, jiem ilu, ħarġet mandat għall-arrest ta’ Putin b’konnessjoni ma’ reati tal-gwerra fl-Ukrajna u li jinkludu d-deportazzjoni illegali tat-tfal mill-Ukrajna lejn ir-Russja. U t-theddida ta’ Solovyov kienet tweġiba diretta lill-Ministru Ġermaniż għall-Ġustizzja, Macro Buschmann, li qal li pajjiżu jkun obbligat li jarresta lil Putin f’sitwazzjoni fejn hu jirfes l-art tal-Ġermanja u bil-ħsieb li Putin, imbagħad, jitressaq quddiem dik il-Qorti.

Intant, Solovyov qal li jekk dan xi darba jseħħ, ir-Russja mgħandhiex iżżomm lura minn attakk nukleari fuq il-Ġermanja u spjega li  l-aġir ta’ Berlin‘imur kontra r-rieda ċara tal-poplu Russu li jemmen fit-tmexxija ta’ Putin’.

Min-naħa tiegħu, Karim Khan, prosekutur ewlieni mal-Qorti Kriminali Internazzjonali, qal li l-mandat għall-arrest ta’ Putin mhux se jeskadi ladarba tispiċċa l-gwerra fl-Ukrajna. Hu tenna li ma jeżisti l-ebda statut ta’ limitazzjoni għar-reati tal-gwerra bħala prinċipju ewlieni li l-pajjiżi ilhom jirrispettaw minn wara l-Ġuri għar-Reati tal-Gwerra ta’ Nuremberg  ta’ wara t-Tieni Gwerra Dinjija.

Khan kompla li l-individwi responsabbli minn dawn ir-reati jridu jirrealizzaw li l-liġi internazzjonali hi dejjem preżenti u li l-awtorità tagħhom iġġorr element qawwi ta’ responsabbiltà u kontabbiltà, irrispettivament miċ-ċirkustanzi.