Internazzjonali

Il-Gwerra fl-Ukrajna: Lesti għal reazzjoni qawwija f’Bakhmut

L-Ukrajna, fl-aħħar sigħat, indikat li kapaċi twettaq kontro-offensiva kbira ‘minn ħin għall-ieħor’ fost is-sinjali li l-qawwiet Russi f’Bakhmut u l-madwar tilfu ħafna mis-saħħa li kellhom wara sensiela ta’ disfatti militari.

Il-Ġeneral Ukren Oleksandr Syrskyi qal li l-offensiva tat-truppi tal-Kremlin fuq Bakhmut naqset sew mill-ispinta u meta kuljum qed jinqatlu bejn is-600 u t-800 suldat Russu, inklużi l-merċenarji tal-grupp Wagner ( alleati ta’ Putin) li huma attivi ħafna f’din il-kampanja.

L-aħħar rapporti mill-Ukreni qalu li r-Russja tilfet talanqas 650 suldat ieħor fi spazju ta’ 24 siegħa, bit-total tar-Russi maqtula fil-gwerra jaqbeż il-170,000.

Intant, il-Ġeneral Syrskyi hu fiduċjuż li l-Armata tal-Ukrajna dalwaqt tkun tista’ tieħu vantaġġ miċ-ċirkustanzi — l-istess bħal meta kisbet rebħiet militari sinifikanti fil-madwar ta’ Kiev kif ukoll fil-battalji għall-kontroll ta’ Kharkiv u Balakliya.

Tħassib mill-Kumitat tas-Salib l-Aħmar

Il-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar esprima l-inkwiet kbir tiegħu dwar is-sitwazzjoni f’Bakhmut u l-komunitajiet fil-madwar fejn iċ-ċivili qegħdin ibatu kuljum mill-impatt tal-battalji kontinwi f’dawn iz-zoni.

L-istqarrija kompliet li l-isptarijiet, l-iskejjel, id-djar taċ-ċittadini u l-infrastruttura ġenerali kollha ġarrbu l-ħsarat irreparabbli b’konsegwenza tal-ġlied, bis-sitwazzjoni umanitarja qed tidher gravi ħafna għaċ-ċivili li ma ħarġux mill-inħawi.

Il-ġlied kontinwu f’Bakhmut u l-madwar anki qed iżommu lura t-trasport tal-affarijiet bażiċi lill-eluf ta’ ċivili li għadhom iżolati fuq din il-front tal-gwerra u wara l-evakwazzjoni ta’ eluf kbar ta’ nies mill-inħawi.