Futbol Sport

Illejla Malta tilgħab kontra l-Maċedonja ta’ Fuq fi Skopje

(Ritratt: Mark Zammit Cordina)

Minn Skopje, l-Maċedonja Fuq

Fid-20:45, fit-Todor Proeski Arena, it-tim Nazzjonali Malti jiftaħ l-impenji minn Grupp C ta’ Kwalifikazzjoni għall-EURO 2024 kontra l-Maċedonja ta’ Fuq. Dan se jkun ifisser debutt għall-kowċ ta’ Malta Michele Marcolini, debutt mhux biss mat-tim Nazzjonali Malti iżda anke fil-futbol Internazzjonali hekk kif Marcolini kellu karigi biss fuq livell ta’ clubs.

Il-Maċedonja ta’ Fuq, immexxija mill-kowċ Blagoja Milevski, ġej minn serje ta’ riżultati negattivi fejn fl-aħħar tliet partiti, li kienu kllha partiti ta’ ħbiberija, tilef kontra l-Ażerbajġan u l-Arabja Sawdija filwaqt li ġie draw kontra l-Fillandja. Qabel dawn il-Maċedonja ta’ fuq tilfet ukoll l-aħħar żewġ partiti tal-UEFA Nations League kontra l-Bulgarija u l-Ġorġja u spiċċat fit-tielet post minn erbgħa fi Grupp 4 ta’ League C ta’ din il-kompetizzjoni b’7 punti minn sitt partiti.

Jekk wieħed iħares lejn l-iskwadra tal-Maċedonja ta’ Fuq jista jinnota li ħames plejers biss jilgħabu fil-pajjiż, b’wieħed minn dawn ikun l-eks goalkeeper ta’ Birkirkara u Balzan Kristijan Naumovski. Fost l-aktar plejers interessanti li għandudan it-tim insibu lill-midfielder tal-leaders tas-Serie A Napoli Elif Elmas u l-attakkant ta’ Udinese Ilija Nestorovski. Isem ieħor interessanti huwa dak tad-difensur ta’ Feberbahce Ezgjan Alioski eks plejer ta’ Leeds United fl-Ingilterra.

Persuni li jaħdmu fil-media tal-pajjiż li tkellmu ma’ Net Sports fil-Maċedonja, saħqu li l-logħba tal-lejla qed titiqies bħala l-partita li għandha tbiddel l-andament negattiv ta’ dan it-tim anke meta wieħed iqis it-toqol ta’ Grupp C b’avversarji bħall-Italja, l-Ingilterra u l-Ukrajna.

Min-naħa tat-tim Nazzjonali Malti, l-aħħar tliet partiti ta’ ħbiberija kienu pjuttost pożittivi fejn irbaħna 2-1 kontra l-Iżrael, ġejna draw kontra l-Greċja filwaqt li tlifna bi skor minimu ta’ 1-0 kontra l-Irlanda. Fl-aħħar żewġ impenji kompetittivi, it-tim Nazzjonali Malti rebaħ kontra San Marino 1-0 iżda tilef 2-1 kontra l-Estonja.

Mill-istess grupp ta’ Malta u fl-istess ħin, fi Stadio Diego Armando Maradona, l-Italja ta’ Mancini tilqa’ lill-Ingilterra ta’ Southgate, f’waħda mill-aktar konfronti mistennija tal-lejla bejn dawn iż-żewġ favoriti ta’ Grupp C. Wara din il-partita t-tim Nazzjonali Taljan mistenni jibqa sejjer l-ajruport biex jaqbad titjira lejn Malta biex nhar il-Ħadd jilagħbu kontrina fid-20:45 fl-Istadium Nazzjonali, Ta’ Qali.