Lokali

Imut il-ġurnalist veteran Michael Testa

Ħadem aktar minn 40 sena mal-ġurnal Times of Malta

Tħabbret il-mewt, kmieni dalgħodu, ta’ Michael Testa, ġurnalist veteran b’karriera ta’ aktar minn 40 sena mal-ġurnal Times of Malta. Hu kellu 75 sena.

Mat-Times of Malta Michael ħadem bħala ġurnalist u serva wkoll għal diversi snin bħala deputy news editor qabel irtira mix-xogħol minħabba l-età fis-sena 2008.

Min kien jaf lil Michael mill-qrib, jaf kemm fix-xogħol tiegħu dejjem kien ispirat mill-prinċipji tal-prudenza, tas-serjetà u tar-rispett lejn il-verità u lejn il-persuni li seta’ kiteb dwarhom matul dawn is-snin kollha. Qabel il-karriera twila mat-Times, Michael ħadem ukoll mal-ġurnal tal-Knisja Il-Ħajja.

Mal-mewt tiegħu kienu bosta dawk li fuq il-midja soċjali ddeskrivew lil Michael Testa bħala ġentlom li kien ta’ eżempju kemm għall-kollegi tiegħu fil-ġurnaliżmu u ta’ eżempju wkoll fil-ħajja privata tiegħu.

Michael kien armel b’żewġt itfal, Roberta u Jamie.

L-aħħar tislima lil Michael Testa se tingħata għada fit-8am fil-knisja tal-Madonna ta’ Fatima fi Gwardamanġa.