Lokali

Is-saga ta’ Steward spiċċat qisha film ta’ ‘Harry Potter’

L-MUMN issejjaħ azzjonijiet industrijali

“Il-Gvern qed ikun bully ma’ dawk l-infermieri u l-qwiebel li ta’ kuljum qed iwettqu xogħol impekkabli mal-pazjenti filwaqt li jibża’ minn dawk li ma rrispettawx il-ftehim tal-isptarijiet.”

Kien dan il-messaġġ li twassal lill-membri tal-Union u l-Infermiera u l-Qwiebel, f’komunikat intern li Net News ra kopja tieghu….wara li l-Gvern qed jibqa’ jirrifjuta li jappoġja lil dawn l-impjegati fis-settur tas-saħħa.

L-MUMN fakkret kif il-Gvern baqa’ jagħti l-miljuni lil Steward minflok jinvesti fis-settur tas-saħħa ta’ pajjiżna għall-aqwa servizz ta’ saħħa li l-Maltin u l-Għawdxin jixirqilhom.

Kien għalhekk li l-Union ħabbret li se tkun qed issejjaħ tilwima industrijali mal-Ministeru tas-Saħħa minħabba li m’hemmx qbil fuq il-ftehim settorjali. L-MUMN qalet li se tkun qed tissospendi n-negozjar sakemm il-Gvern jaċċetta li jneħħi numru ta’ proposti inaċċettabli li saru minnu stess filwaqt li qed jappellaw biex jiżdied l-investiment għall-ġid tal-professjonisti.

Fil-komunikat lill-membri tagħha, l-MUMN qalet li l-ewwel vittma tal-kuntratt frawdolent ma’ Steward se jkunu l-infermieri nfushom.

Il-Union qalet li kemm-il darba pprovaw jiddiskutu mal-Ministru tas-Saħħa dak li kien u għadu qed iseħħ minn Steward …bl-infermieri jqabblu l-laqgħat ma’ Fearne mal-film ta’ Harry Potter, u s-suġġett ta’ Steward huwa “the one which should not be named”.

Filwaqt li l-Gvern qed jittratta lill-infermieri daqs li kieku ma jfissru xejn għalih, l-MUMN fakkret kif is-sistema tas-saħħa f’pajjiżna għandha nuqqas ta’ madwar 400 infermier – bil-pressjoni tkompli tikber, jum wara l-ieħor.