Internazzjonali

Iżrael: Rabja għal liġi ġdida intenzjonata biex ‘tiffavorixxi’ lill-Prim Ministru

Il-Parlament Iżraeljan għadda liġi ġdida li tevita sitwazzjoni fejn l-Avukat Ġenerali jista’ jiddikjara lill-Prim Ministru tal-pajjiż bħala mhux xieraq għal dan ir-rwol.

Il-liġi qed tqajjem ferment kbir fost l-Iżraeljani fost indikazzjonijiet li din għaddiet għall-interessi personali tal-Prim Ministru Benjamin Netanyahu  li qed jiffaċċja akkużi ta’ korruzzjoni.

Il-liġi, intant, hi parti mill-pjan kontroversjali tal-Gvern Iżraeljan tal-lemin biex jillimita l-poter tal-ġudikatura – u li wasslet għal xhur ta’ protesti kbar mill-poplu.

Bħalissa, eluf ta’ Iżraeljani wrew id-diżapprovazzjoni tagħhom permezz ta’ ’Jum għall-Paraliżi’, u fejn għalqu diversi toroq prinċipali filwaqt li dendlu bnadar ta’ Iżrael u bandiera bid-dikjarazzjoni ta’ indipendenza fuq ħajt fil-kwartier antik ta’ Ġerusalemm.

Qed jitħejji anki rally għad-dimostranti fis-subborg ta’ Bnei Brak, f’Tel Aviv, u li sa ftit ilu kien meqjus bħala fortizza tal-Gvern Iżraeljan.