Lokali Qorti

Meħlusa fuq żball ieħor tal-Avukat Ġenerali

Il-Qorti tal-Appell Kriminali kkonfermat sentenza tal-Qorti tal-Maġistrati fejn l-avukati ta’ Yorgen Fenech ma kienux instabu ħatja ta’ attentat ta’ tixħim ta’ ġurnalist fuq teknikalità. L-Imħallef Aaron Bugeja ikkonferma dak li kienet iddeċidiet il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras f’Ġunju tas-sena l-oħra, li r-reat rilevanti ma kienx indikat kif suppost mill-Avukat Ġenerali.

L-Avukati Charles Mercieca u Gianluca Caruana Curran kienu ġew mixlija li ppruvaw ixaħħmu lill-ġurnalist tat-Times of Malta Ivan Martin billi tawh mijiet ta’ ewro fi flus kontanti fi tmiem laqgħa fl-uffiċċju tagħhom fil-Belt Valletta. Meta kienet tat is-sentenza, il-Maġistrat Galea Sciberras innotat li filwaqt li l-avukati kienu akkużati b’tixħim attiv mill-Pulizija, l-Avukat Ġenerali indika dispożizzjoni differenti ta’ liġi li tindika tixħim passiv.

Minkejja li l-Avukat Caruana Curran offra flus lill-ġurnalist, id-difiża dejjem argumentat li ma kienet tammonta għal ebda reat kriminali. Għalkemm it-taħrika oriġinali kienet ifformulata b’tali mod li “tħaddan” tali allegazzjonijiet, l-AĠ kien “għażel” li jindika artikoli oħra li fuqhom il-Qorti kellha tagħti s-sentenza.

L-artikolu 120(2) ma kien jidher imkien fin-nota ta’ rinviju tal-AĠ. Filwaqt li semmiet ġurisprudenza fuq dan il-punt, il-Qorti qalet li ladarba l-artikolu rilevanti ma kienx indikat mill-AĠ, ma setgħetx tapplika dak l-artikolu meta tagħti s-sentenza. Bl-istess mod f’dan il-każ, tixħim attiv jew l-attentat tiegħu ma kienx ġie indikat u għalhekk il-Qorti setgħet biss tippronunzja sentenza ta’ nuqqas ta’ ħtija.

Din l-inkompetneza minn naħa tal-AĠ kienet ġiegħlet lill-Maġistrat tillibera liż-żewġ avukati mingħajr lanqas biss daħlet fil-mertu tal-każ. Fid-deċiżjoni tagħha, l-Ewwel Qorti kienet innotat li l-ġurnalista ma kienx aċċetta il-flus offruti lilu u l-Prosekuzzjoni ma kellha l-ebda intenzjoni li takkużah b’tixħim passiv għax irrifjuta bil-qawwa l-flus kontanti.

Qalet li għalkemm il-prosekuzzjoni fil-każ kienet marbuta mal-akkuża ta’ tixħim attiv fir-rigward tal-avukati, id-deċiżjoni tal-AĠ li tirreferi għal tixħim passiv waqqa’ l-argumenti kollha. L-uniku persuna li seta’ jiġi akkużat b’korruzzjoni passiva seta’ kien il-ġurnalist iżda li dan żamm sod u għalhekk qatt ma kien hemm l-intenzjoni li jiġi akkużat.

L-eweel Qorti kienet qalet li: “Sakemm ma sar l-ebda att ta’ korruzzjoni passiva, huwa inkonċepibbli li l-akkużati jitqiesu kompliċi ta’ tali reat.” Hija nnotat li l-leġiżlaturi kienu fasslu liġi li tkellmet b’mod ċar dwar żewġ reati separati – korruzzjoni attiva u korruzzjoni passiva.

Għal dawn ir-raġunijiet, il-Maġistrat ma daħlitx fil-mertu tal-kawża u lliberat liż-żewġ avukati, deċiżjoni kofermata mill-Qorti tal-Appell L-inċident kien seħħ f’Novembru tal-2020 meta fi tmiem laqgħa ta’ 20 minuta fil-Belt, Caruana Curran għadda numru ta’ karti ta’ €500 mitwija.

L-avukat kien ammetta li “kienet offruta remunerazzjoni” u li offra l-flus biss għax qatt ma kien ittratta ma’ ġurnalist qabel. Martin kien irrifjuta l-flus u jum wara, Times of Malta ħarġet storja dwar l-allegat tixħim. L-avukati Giannella de Marco u Stephen Tonna Lowell deheru għal ta’ Caruana Curran u Mercieca.