Lokali

L-MEA imħassba dwar il-governanza t-tajba

L-MEA sejħet lill-Gvern biex illum qabel għada japplika r-rikomandazzjonijiet tal-Imsieħba Soċjali biex jassigura li jissalvagwardja l-governanza t-tajba u l-impjiegi tal-Maltin u l-Għawdxin.

Waqt il-laqgħa annwali li saret mill-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem, il-President Joanne Bondin qalet li l-ħaddiema qed ikollhom jaddattaw għall-ħajja li dejjem qed tinbidel fid-dawl tal-prezzijiet li iktar ma jmur iktar qed jiżdiedu.

Joanne Bondin spjegat kif in-negozji qed jesperjenzaw sfidi kbar… bil-Gvern mhu jagħmel kważi xejn quddiem dawn l-isfidi; anzi qed jispiċċa mdawwar bi skandlu wara l-ieħor, bl-aktar riċenti tkun il-kundanna li ħarġet mill-Qorti għad-deal tal-isptarijiet.

Kien hawnhekk fejn il-President tal-Assoċjazzjoni appellat biex il-Gvern jkun dejjem trasparenti u jerfa’ r-responsabbiltà għan-nuqqasijiet kbar li saru – responsabbilta b’mod sepcjali mill-persuni li kienu involuti f’dan l-iskandlu.

Iżda fid-dawl ta’ dan kollu, Robert Abela qed jibqa’ jiddefendi lil Steward minkejja dak kollu li rajna fl-aħħar ġimgħat. Bil-poplu għadu qed jistenna li jieħu lura l-miljuni li nsterqu minn dan id-deal li kien imnawwar bi frodi.

Intant l-MEA appellat ukoll biex il-Gvern ikun tassew trasparenti, speċjalment fil-kuntratti kollha li daħal għalihom. Dan apparti li xegħlet bozza fuq il-mod kif jingħataw id-direct orders u fuq l-ingaġġ tal-persons of trust.