Futbol Sport

Prestazzjoni mill-aqwa mill-Maltin fi Skopje mhux biżejjed biex nieħdu l-punti kontra l-Maċedonja ta’ Fuq

(Ritratt: Mark Zammit Cordina)

Rowen Camilleri mill-Maċedonja ta’ Fuq

MAĊEDONJA TA’ FUQ…………2

MALTA…………………………………..1

Maċedonja ta’ Fuq: S. Dimitrievski, V. Musliu, E. Elmas, E. Aloiski (A. Ashhovski 80’), A. Trajkovski (I. Nestorovski 58’), E. Bardhi, S. Ristovski, D. Velkovski (D. Churlinov 58’), G. Zajkov (K. Ristevski 90+2), B. Miovski (M. Ristovski 80’), J. Atanasov

Malta: H. Bonello, C. Attard, R. Camenzuli (J. Corbolan 77’), S. Borg, M. Guillaumier, J. Mbong, P. Mbong (S. Dimech 67’), F. Apap, A. Satariano(J. Jones 84’), T. Teuma (B. Paiber 84’), B. Kristensen (Y. Yankam 77’)

Imwissija: B. Kristensen 44’, T. Teuma 63’, S. Borg 90’ (MLT), E. Bardhi 45 +2’, E. Aloiski 48’ (MAĊ)

Skorjaw: E. Elmas 66’, D. Churlinov 72’ (MAĊ), Y. Yankam 86’ (MLT)

Referee: Krsto Tohver

Assistenti Referees: Silver Koiv u Sten Klaasen

Fl-ewwel impenn minn Grupp C ta’ Kwalifikazzjoni għall-EURO 2024, it-tim Nazzjonali Malti sofra telfa ta’ 2-1 kontra l-Maċedonja ta’ Fuq bil-gowls jaslu kollha fit-tieni taqsima wara li l-ewwel taqsima spiċċat fi draw ta’ mingħajr gowls.

Fl-ewwel taqsima t-tim Nazzjonali Maltin lagħab daqs l-avversarji fejn anke kellu l-aħjar ċans li iżda ma sfruttaħx, biex fit-tieni taqsima, għalkemm il-prestazzjoni ma kienetx ħażina, l-avversarji skorjaw żewġ gowls f’perjodu ta’ sitt minuti, u għalkemm il-Maltin irnexxilhom jerġgħu jidħlu lura fil-partita b’gowl minn Yankam fl-aħħar ħames minuti, sfortunatament ħriġna b’idejna vojta minn din il-partita.

L-ewwel azzjoni denja ta’ nota waslet mill-Maltin wara tliet minuti logħob meta Joseph Mbong għadda ballun lejn Teddy Teuma li wara li qabeż plejer avversarju prova tentattiv minn tarf il-kaxxa iżda x-xutt għadda għoli.

L-ewwel tentattiv lejn il-lasti min-naħa tal-Maċedonja ta’ Fuq wasal fit-18-il minuta meta minn korner mogħti mill-plejer ta’ Napoli Eljif Elmas, kien Darko Velkovski li għola fuq kulħadd iżda d-daqqa ta’ ras tiegħu għaddiet barra.

Fis-27 minuta azzjoni mibdija minn Elmas li għadda lejn Trajkovski b’dan tal-aħħar minn qagħda ċentrali ikkokluda barra.

Ftit minuti qabel il-mistrieħ l-aħjar ċans tal-ewwel taqsima jasal għand Malta meta Paul Mbong għadda ballun preċiż lejn Matthew Guillaumier li minn qagħda ferm tajba biex jikkonkludi, dam jaħsibha u tilef il-ballun u ċans tajjeb għal Malta.

Wara din l-azzjoni waslet it-tisfira għal tmiem l-ewwel taqsima bil-Maltin jirnexxilhom iżommu l-avversarji fi draw ta’ mingħajr gowls.

Fit-tieni taqsima, l-avversarji ta’ Malta, kif kien mistenni, komplew jgħafsu biex jiskorjaw u fit-58 minuta Elmas prova minn tarf il-kaxxa b’Henry Bonello jilqa’ parzjalment, u mill-istess azzjoni Bojan Miovski deher jaqa’ fil-kaxxa bir-referee mill-Estonja jsaffar il-penalty. Madankollu wara li mar jiċċejka l-VAR, Kristo Tohver dawwar id-deċiżjoni u ammonixxa lil Miovski għal simulazzjoni.

Sfortunatament, fis-66 minuta il-Maċedonja ta’ Fuq fetħu l-iskor meta l-midfielder ta’ Napoli Eljif Elmas irċieva mingħand Miovski u b’xutt fil-baxx minn tarf il-kaxxa għeleb lil Bonello.

Għaddew biss sitt minuti u l-Maċedonja ta’ Fuq skorjaw it-tieni gowl meta Enis Bardhi għadda lejn is-sostitut Darko Churlinov li b’xutt mill-isbaħ minn qagħda angolata għeleb lil Bonello.

Fl-84 minuta minuta il-Maltin daħlu lura fil-partita meta minn kross ta’ Shaun Dimech l-ewwel kien Joseph Mbong li prova iżda ma laqatx tajjeb, bil-ballun jaqa’ f’saqajn Yannik Yankam li mill-viċin tefa’ ġewwa.

Fid-89 minuta l-Maċedonja ta’ Fuq marru viċin li jiskorjaw it-tielet gowl meta l-free-kick dirett ta’ Churlinov stampa mal-mimdida qabel kien imtajjar mid-difiża Maltija.

Fil-ħin barrani Joseph Mbong prova xutt minn barra l-kaxxa li iżda kien milqugħ minn Dimitrievski.

Wara sitt minuti ta’ ħin miżjud tasal it-tisfira finali tar-referee mill-Federazzjoni tal-Estonja Kristo Tohver bit-tliet punti jmorru għand il-Maċedonja ta’ Fuq iżda bit-tim Malti li jista jara ħafna pożittiv minn din il-partita