Lokali

Raġel jitlef ħajtu fl-Imġarr

Illum, għal xi t-tlieta u kwart ta’ waranofsinhar, il-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm bżonn l-assistenza f’għalqa fil-limiti tal-Imġarr.

Il-Pulizija marret fuq il-post u rriżulta li raġel ta’ 69 sena, residenti l-Imġarr weġġa’ waqt li kien qed juża mutur tal-ħart.

Fuq il-post issejħu l-membri tal-Protezzjoni Ċivili u t-tim mediku. Ambulanza ħadet lill-vittma l-Isptar Mater Dei għall-aktar kura, iżda sfortunatament, huwa ġie ċċertifikat mejjet ftit tal-ħin wara.

Il-Maġistrat tal-Għassa Rachel Montebello ġiet infurmata bil-każ u ħatret inkjesta, u l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.