Lokali Qorti

Riga differenti mill-Kummissarju Angelo Gafa ma’ Mark Camilleri: Mill-ewwel jinforma lill-Qorti fuq disprezz

Konfermata: Riga differenti mill-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafa fil-konfront tal-ġurnalist Mark Camilleri li wara li tard l-Erbgħa wara nofs inhar il-Qorti kienet ordnat biex jiġi investigat fuq chats li ppubblika fil-konfront tad-deputat Laburista Rosianne Cutajar u Yorgen Fenech, fi ftit tas-sigħat Gafa informa lill-Qorti li kien hemm divjet fuq dawn iċ-chats u għalhekk kienet inkisret il-pjojbizzjoni.

L-Imħallef Edwina Grima għalhekk ordnat lill-istess Kummissarju tal-Pulizija biex jieħu passi kriminali kontra Mark Camilleri talli ppubblika eluf ta’ messaġġi bejn id-Deputat Laburista Rosianne Cutajar u Yorgen Fenech, bi ksur ta’ projbizzjoni tal-qorti.

Traskrizzjonijiet ta’ aktar minn 2,000 messaġġ WhatsApp ippubblikati nhar it-Tlieta żvelaw relazzjoni intima bejn Cutajar u n-negozjant Yorgen Fenech, fi żmien meta l-istess Cutajar kienet qed tagħmel minn kollox pubblikament biex investigazzjoni dwar suspett ta’ korruzzjoni marbuta ma’ Fenech ma ssirx.

Dawn jinkludu wkoll referenzi għal rigali liFenech kien taha dak iż-żmien. L-Erbgħa filgħodu wara li dawk iċ-chats ġew ippubblikati fuq il-websajt ta’ Camilleri, l-avukati ta’ Cutajar, Edward Gatt u Mark Vassallo ressqu rikors urġenti quddiem il-qrati kriminali fejn talbu għall-investigazzjoni.

Dan il-proċess li s-solitu jieħu l-ġimgħat jekk mhux ix-xhur, għax l-urġenza mhux dejjem tiġi trattata b’mod spedit. L-Avukati ta’ Rosianne Cutajar sostnew li l-pubblikazzjoni ta’ dawk il-messaġġi kisret projbizzjoni imposta mill-qorti fi proċeduri kriminali fejn Fenech qed jiġi akkużat b’kompliċità fil-qtil Caruana Galizia.

Digriet maħruġ mill-Imħallef Edwina Grima f’Novembru 2021 kien ipprojbixxa kull data ittajpjata u elettronika fil-fajl tal-każ ta’ Fenech. Fir-rikors tagħhom, l-avukati argumentaw li jekk dawk iċ-chat ittieħdu mir-rekords tal-kawża kriminali kontra Fenech, allura Camilleri kien kiser liġijiet li jipprojbixxu l-pubblikazzjoni ta’ tali dokumenti.

Traskrizzjonijiet bħal dawn kienu fil-pussess tal-Istat biss biex jintużaw għall-iskop tal-prevenzjoni u l-investigazzjoni ta’ reati. Li jitħallew it-tixrid tagħhom għal kwalunkwe skop ieħor estranju għall-każ tal-qtil ta’ Caruana Galizia kien jammonta għal ksur tad-drittijiet fundamentali ta’ Cutajar għar-rispett tal-ħajja privata tal-familja u l-korrispondenza personali.

L-avukati ta’ Cutajar l-Erngħa għaddew ukoll ittra legali lill-Avukat Ġenerali fejn talbuha tinforma lill-qorti dwar il-pubblikazzjoni li sostnew li kienet tikser l-artikolu 517 tal-Kodiċi Kriminali. Huma ħeġġew lill-AĠ biex jaġixxi mingħajr dewmien speċjalment peress li l-kwistjoni kienet tikkonċerna d-drittijiet fundamentali ta’ partijiet terzi li kienu qed jiġu mgħarrfa b’mod ċar.

L-AĠ aġiixiet fil-pront

L-AĠ hawn bil-kontra ta’ kif tagħmel f’każijiet oħra aġixxit fil-pront fuq dik l-ittra u aktar tard nhar l-Erbgħa, l-Imħallef Grima ordnat lill-Kummissarju tal-Pulizija biex jinvestiga jekk dawk il-messaġġi kinux l-istess bħal dawk esebiti fil-fajl tal-każ ta’ Fenech u jekk kinux protetti mill-projbizzjoni.

Il-Kummissarju tal-Pulizija f’anqas minn 24 siegħa rrapporta lura lill-imħallef li l-investigazzjonijiet kienu kkonfermaw li l-pubblikazzjoni ta’ Camilleri kienet kisret il-projbizzjoni ta’ Novembru 2021. Fid-dawl ta’ dik l-informazzjoni, il-qorti ordnat lill-Kummissarju tal-Pulizija biex jieħu passi kriminali kontra Camilleri quddiem il-Qrati tal-Maġistrati għal disprezz tal-qorti.