Tkompli tmur għall-agħar is-saga tal-isptarijiet hekk kif issa l-Gvern spiċċa mhedded mill-kumpanija li hu stess ilu tliet snin jiddefendi; kumpanija li ħadet mal-€400 miljun mit-taxxi tal-Maltin u l-Għawdxin għal kuntratt dikjarat bħala frodista.
U minkejja l-ħafna propaganda tal-Prim Ministru Robert Abela, kollox qed juri li l-Gvern għadu ma sabx tarf ta’ din is-saga li daħħalna fiha hu stess. U sa dan it-tant, il-poplu għadu ma ħax lanqas ċenteżmu wieħed mill-miljuni li daħħlu fil-but ta’ Steward għal kuntratt li l-Qorti ddikjaratu bħala null.
Issa, Steward Healthcare qed jheddu lill-Gvern li lesti jieħdu azzjoni legali kemm-il darba Robert Abela jibqa’ għaddej b’dak li huma sejħu “azzjoni irresponsabbli”. Dan għaliex qed jgħidu li n-notifika ta’ terminazzjoni għall-kuntratt li għadhom tal-isptarijiet “m’għandiex bażi legali”.
Il-kumpanija qed tagħmilha ċara illi dik li l-Gvern sejjaħ bħala ‘step-in notice’ hija invalida u bla effett.
Fi stqarrija, Steward qalet illi nfurmat lill-Gvern li jekk se jibqa’ għaddej b’din l-attitudni se titlob il-protezzjoni tal-Korp tal-Pulizija, u se żżomm lill-Gvern stess reponsabbli.
Intant f’din l-istess stqarrija l-kumpanija qalet li ħallset il-pagi li kienu dovuti lill-ħaddiema għal dan ix-xahar. Fi kliem sempliċi, dan ifisser li wara l-kundanna tal-Qorti u wara li s-sentenza tal-Imħallef Depasquale ddikjarat dan il-kuntratt bħala null, il-Gvern xorta għadu qed jgħaddi l-flus – xahar wara l-ieħor – lil Steward Healthcare.
//= $special ?>