Lokali Qorti

Tliet żgħażagħ mixlijin li aggredew raġel f’karozza u serqulu l-ġojjellerija

Tliet żgħażagħ li allegatament serqu ġojjellerija lil raġel li żammew f’karozza f’Paceville nżammu taħt arrest preventiv wara li tressqu l-Qorti. Il-każ allegatament seħħ fil-lejl tal-11 ta’ Marzu. Il-vittma kien qal lill-pulizija li ltaqa’ ma’ tnejn mill-allegati aggressuri fis-1am.

Wara ngħaqad magħhom it-tielet żagħżugħ u l-erbgħa saqu lejn Pembroke. Meta waslu hemm, it-tliet żgħażagħ żammew lill-vittma kontra r-rieda tiegħu u serqulu żewġ ġiżirajjen tad-deheb, brazzuletta, arloġġ u ċurkett. Filmati tas-CCTV mis-sit tal-inċident fi Triq il-Mediterran dehru jikkonfermaw il-verżjoni tal-vittma, qalu l-prosekuturi fil-Qorti.

It-tliet suspettati, Saleh Saleh ta’ 20 sena mill-Fgura, Mahmoud Farhoud ta’ 21 sena minn Ħal Qormi u Mohamed Alkert ta’ 21 sena minn Ħal Kirkop wieġbu mhux ħatja ta’ serq aggravat ta’ ġojjelli li jiswew aktar minn €2,329.37, li żammew lill-vittma tagħhom kontra r-rieda tiegħu, u weġġgħuh ħafif u li ġarrew sikkina mingħajr liċenzja tal-pulizija.

Xi wħud mill-oġġetti misruqa kienu ġew irkuprati iżda żewġ ġiżirajjen inbiegħu, ngħad lill-Qorti. L-akkużati huma ta’ kondotta nadifa u kkoperaw meta mistoqsija mill-pulizija. Madankollu, il-prosekuzzjoni oġġezzjonat għall-ħelsien mill-arrest minħabba biża’ li tbagħbis l-evidenza.

Barra minn hekk, wara li ndunaw li l-vittma tagħhom kienet marret għand il-pulizija u qabel ma nstabu, t-tliet żgħażagħ kienu ffabbrikaw storja biex iqarrqu lill-investigaturi, spjega l-Ispettur Lydon Zammit. L-avukat Veronique Dalli li dehret għal Farhoud qalet li fl-aħħar tal-ġurnata, l-akkużat kien ikkopera u anke għen lill-investigaturi biex jirkupraw l-oġġetti misruqa.

Barra minn hekk, evidenza tal-inċident ġiet ippreservata parzjalment fuq filmati tas-CCTV. L-akkużat kellu wkoll kondotta nadifa. Il-biża’ tal-prosekuzzjoni tista’ tiġi bbilanċjata b’kundizzjonijiet ta’ pleġġ adegwati. L-avukat difensur Alfred Abela għal Saleh żied jgħid li ħadd mill-akkużati ma pprova javviċina lil xi xhieda tal-prosekuzzjoni fil-11-il jum mill-inċident.

Meta suspettat ikkoopera, dan il-fatt għandu jitqies għal kunsiderazzjonijiet ta’ pleġġ, żied l-avukat Mario Mifsud, kollega tal-avukat Abela. Il-Maġistrat Rachel Montebello, ċaħdet il-ħelsien mill-arrest, u qalet li l-kooperazzjoni tal-akkużat ma kinitx biżżejjed biex tinnewtralizza l-biża’ tal-prosekuzzjoni ta’ tbagħbis.

L-Ispetturi Lydon Zammit, Stephen Gulia u Brian Xuereb mexxew il-Prosekuzzjoni. L-Avukat Veronique Dalli kienet avukat ta’ Farhoud, Alfred Abela u Mario Mifsud kienu avukat ta’ Saleh filwaqt li Mifsud waħdu kien avukat ta’ Alkert. L-Avukat Roberto Montalto deher parte civile.