Sport Sport Ieħor

Volleyball: Training camp professjonali għall-plejers ta’ Paola Volleyball Club

Bejn il-Ġimgħa 31 ta’ Marzu u l-Ħadd 2 ta’ April il-club ta’ Paola Volleyball se jorganizza training camp għall-players u coaches tiegħu li se jkun immexxi minn coaches u players professjonali Taljani. Dan il-camp sar possibbli wara l-ftehim li ntlaħaq bejn il-kumitat tal-club immexxi mill-President Dr Kenneth Vella u Stefano Negrini li hu konsulent u aġent professjonali Taljan li jispeċjalizza f’dan l-isport u li hu wkoll ex player u coachRiċentement Negrini kien f’Malta fuq stedina ta’ Vella sabiex jara l-livell tal-volleyball f’pajjiżna. Baqa’ wkoll impressjonat bil-faċilitajiet ta’ livell għoli li għandha l-Assoċjazzjoni Sportiva Hibernians immexxija mis-Sur Ronnie Calleja. 

Barra Negrini, dan it-training camp se jitmexxa wkoll mill-coaches professjonali Taljani Luca Sgandurra li fil-karriera tiegħu ħarreġ it-teams ta’ Akragas Agrigento, Stefanese, Volley Fidelis u Isernia; Norma Pilota li barra li hi coachkwalifikata u lagħbet fl-ogħla diviżjoni tal-kampjonat Taljan, taħdem fi ħdan il-Federazzjoni Taljana tal-Volleyball bħala osservatur għal Sqallija. 

Dawn se jkunu assistiti mill-players professjonali Sara Anselmo li tilgħab ma’ Isernia, Marcela IvanaNielsen li twieldet l-Argentina u li anki lagħbet Serie A2 ma’ Catania u Amando Volley u Rebecca Ponton li tilgħab mat-team professjonali FemaleVolley. 

Mistoqsi dwar dan it-training camp, Vella qal li dan hu riżultat tal-ftehim ta’ kollaborazzjoni li ntlaħaq ma’ Stefano Negrini ftit tal-ġimgħat ilu u li għandu jwassal biex il-club li bħalissa jinsab fl-ewwel post tat-tieni diviżjoni tal-kampjonat Malti jkollu bażi aktar soda u professjonali, anki bit-tisħiħ tan-nursery tiegħu taħt il-gwida ta’ Carmen Gauci. Barra dan, il-kamp qiegħed isir ukoll ftit jiem qabel il-club ta’ Raħal Ġdid jivvjaġġa lejn Sqallija biex jipparteċipa fit-tornew Conca d’Oro li se jsir bejn it-3 u t-8 ta’ April f’Monreale. 

Barra l-istess Monreale u Paola Volley immexxija minn Mark Ħili, se jieħdu sehem ukoll il-clubs Taljani ta’ Asiago u Mondello. Dan għandu jservi ta’ esperjenza tajba għall-players Pawlisti biex ikollhom aktar esperjenza internazzjonali.