Lokali

Bil-mentalità ta’ “ma jimpurtanix, kulħadd qed jitħanżer”, id-dejn kiber għal €9.3 biljun – PN

Sfortunatament, il-kultura tal-“ma jimpurtanix, kulħadd qed jitħanżer” qed tkompli tħalli l-frott morr tagħha, hekk kif id-dejn tal-pajjiż sal-aħħar ta’ Frar li għadda kien €9.3 biljun jew żieda ta’ €886.4 miljun fuq l-istess perjodu s-sena ta’ qabel. Dawn iċ-ċifri mhux qed jgħidhom il-Partit Nazzjonalista, iżda l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika.

Dan sostnieh il-Kelliem għall-Finanzi Jerome Caruana Cilia fi stqarrija.

Il-Partit Nazzjonalista jesprimi t-tħassib tiegħu għal dawn iċ-ċifri, frott skandlu wara l-ieħor, li huma l-veru legat tal-Labour fl-aħħar għaxar snin. Mill-Vitals sal-Electrogas, mill-windfarms fil-Montenegro sal-flyovers, m’hemmx proġett ewlieni li daħal għalih dan il-Gvern mingħajr xamma qawwija ta’ korruzzjoni.

Għaldaqstant, il-Partit Nazzjonalista jibqa’ jinsisti u jerġa’ jtenni li l-Gvern għandu jelimina t-taxxa tal-korruzzjoni u jara li l-finanzi pubbliċi jibqgħu sostenibbli, partikolarment fid-dawl taż-żieda fir-rata tal-interessi.

Il-Gvern għandu jwaqqaf immedjatament il-ħela u t-tberbiq lil tal-qalba, kif ukoll l-iffangar mill-ftit tal-klikka għax dan id-dejn jista’ anke jagħti daqqa ta’ ħarta oħra lill-kompetittività ta’ pajjiżna. Mhux ta’ b’xejn li jumejn ilu, il-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana qal li rridu nissikaw iċ-ċintorin.

Il-Partit Nazzjonalista jibqa’ jinsisti li dan id-dejn kollu hu mażżra ma’ uliedna u ulied uliedna. Ħasra li l-flus tal-poplu qed jibqgħu jitberbqu bl-addoċċ u li l-kultura tal-“ma jimpurtanix, kulħadd qed jitħanżer” qed titħallas minn flus il-poplu. Hu anke għalhekk li, minbarra li hu etiku u moralment ġust, Robert Abela u sħabu għandhom jaraw li dak li nsteraq minn pajjiżna jiġi lura.