Sport Sport Ieħor

Ċess: Jack Mizzi rebbieħ tal-Junior Chess Championships

Iż-żagħżugħ ta’ sittax-il sena Jack Mizzi rebaħ il-Kampjonat Nazzjonali taċ-Ċess tal-Juniors għat-tieni sena konsekuttiva. Mizzi rebaħ l-aħħar żewġ logħbiet tiegħu kontra Andrei Dobbin u Leonardo Nils Kang Di Benedetto u b’hekk assigura t-titlu. Mizzi issa huwa eliġibbli li jirrappreżenta lil Malta fil-Kampjonati Ewropej u Dinjija tal-Juniors, li ser isiru barra minn xtutna din is-sena.

Il-battalja għat-tieni post kienet bejn Matthias Gatt u Noah Cauchi. Il-logħba bejniethom fl-aħħar round kienet l-aħħar logħba li spiċċat fit-turnew. Din spiċċat b’endgame interessanti fejn Gatt kellu żiemel b’saħħtu kontra żewġ pawns ta’ Cauchi. Il-logħba ntemmet permezz ta’ draw, u ż-żewġ plejers temmew il-kampjonat b’5.5 punt kull wieħed – punt wieħed biss wara Mizzi. Gatt kellu riżultat ta’ tie-breaks aħjar, biex b’hekk akkwista t-tieni post minn fost il-parteċipanti kollha. Cauchi rebaħ it-titlu tal-aħjar plejer fil-kategorija ta’ taħt it-tmintax il-sena (Best U18).

Leonardo Zangrilli tilef kontra Gatt fis-sitt round, madankollu irnexxielu jikseb riżultat finali ta’ 5 punti permezz tar-rebħa tiegħu kontra Andrei Dobbin fl-aħħar round. Huwa kellu l-ogħla tie-break, li wasslitu għall-kisba tat-tielet post minn fost il-plejers. Dan ir-riżultat sabiħ juri b’mod ċar il-progress li qed jagħmel Zangrilli fil-logħob tiegħu, u jikkonfermah bħala wieħed mill-plejers promettenti bħalissa.

Milena Stagno hija il-kampjonessa tat-tfajliet għal din is-sena. Il-battalja għat-titlu tal-Girls’ Junior Champion kienet waħda missielta ferm, hekk kif Hayley Thornton spiċċat bl-istess ammont ta’ punti (4), b’punt wieħed biss fit-tielet tie-break jifred liż-żewġ plejers. Thornton kisbet it-titlu tal-aħjar plejer fil-kategorija ta’ taħt it-tnax il-sena (Best U12).

It-tieni post għat-tfajliet rebħitu Yunlong Wang, filwaqt li t-tielet post mar għand Nicole Ellul.

It-titli kollha li intrebħu mill-parteċipanti kienu:

Malta Junior Champion: Jack Mizzi

Runner-up: Matthias Gatt

3rd Overall: Leonardo Zangrilli

Malta Girls Junior Champion: Milena Stagno

Girls runner-up: Yunlong Wang

Girls 3rd overall: Nicole Ellul

Best U18: Noah Cauchi

Best U16: Isaac Grima Bongailas

Best U14: Gabriel Grech

Runner-up U14: Leonardo Nils Kang Di Benedetto

3rd U14: Isaac Sacco

Best U12: Hayley Thornton

Runner-up U12: Nick Calleja Urry

Girls Best U12: Chloe Azzopardi Frantz

Girls Runner-up U12: Elena Borg Mercieca

Girls 3rd U12: Julia Buttigieg

Best U10: Keshav Reyansh

Best U8: Alexander Falzon