Internazzjonali

Franza: Jiem ta’ kaos u tensjoni, biż-żjara tar-Re Karlu posposta għal data oħra

Il-protesti ħorox u vjolenti li għaddejjin bħalissa fi Franza wasslu biex titħassar iż-żjara Statali li r-Re Karlu tal-Ingilterra u martu Camilla kellhom jagħmlu f’dan il-pajjiż fi tmiem il-ġimgħa. Dan wara li l-Gvern Franċiż iddeċieda li jipposponi ż-żjara għal żmien aktar opportun fost it-tensjoni attwali fl-ibliet Franċiżi.

Il-Palazz tal-President Franċiż, Emmanuel Macron, qal li d-deċiżjoni ttieħdet minħabba li d-dimostranti li qed jipprotestaw dwar iż-żieda fl-età tal-pensjoni ( minn 62 għal 64 sena) kienu qed jippjanaw l-għaxar jum ta’ protesti għal nhar it-Tlieta – u waqt iż-żjara programmata tar-Re Karlu.

Kien maħsub, qabel, li ż-żjara ta’ Karlu u Camilla  kienet se tibda proprju l-Ħadd, iżda l-Gvern ta’ Macron kellu jieħu din il-miżura tas-sigurtà wara li d-dimostrazzjonijiet fl-ibliet Franċiżi, matul il-lejl tal-Ħamis, ipproduċew l-agħar vjolenza mill-bidu tal-protesti, f’Jannar.

Il-kelliema għall-Palazz ta’ Buckingham ukoll qalu li l-posponiment taż-żjara mill-Irjali kien dovut għas-sitwazzjoni fi Franza u li Karlu u Diana qed jistennew bil-ħerqa li jagħmlu dan il-vjaġġ ladarba jkunu fissati d-dati konvenjenti għal kulħadd.

Min-naħa tiegħu, il-Gvern Britanniku tenna li d-deċiżjoni għall-posponiment taż-żjara ttieħdet ‘bil-kunsens tal-partijiet kollha’ u wara li l-President Macron kien kellem lir-Re Karlu nhar il-Ġimgħa filgħodu.

Dimostrazzjonijiet paċifiċi…u vjolenza

Intant, diversi bliet Franċiżi, matul il-lejl tal-Ħamis, ġarrbu l-azzjonijiet vjolenti minkejja li saru wkoll il-protesti paċifiċi fost ir-rallies ta’ protesta li attiraw aktar minn miljun dimostrant.

Gruppi ta’ dimostranti fil-belt ta’ Bordeaux taw in-nar lill-entratura tas-sala muniċipali, bil-pulizija jwieġbu bl-isparar tal-gass tad-dmugħ għal fuq id-delinkwenti.

Il-Ministru Franċiż għall-Intern, Gerald Darmanin qal li d-dimostranti f’Bordeaux qabbdu ‘il fuq minn 900 nar u fejn huma ‘utilizzaw’ il-munzelli tal-iskart fil-belt li ilhom ma jinġabru mis-6 ta’ Marzu.