Internazzjonali

Il-Kanada: L-Immigrazzjoni qed iżżid il-popolazzjoni b’rata straordinarja

Il-popolazzjoni tal-Kanada, fl-aħħar sena, kibret b’aktar minn miljun persuna għall-ewwel darba minn mindu bdew isiru l-kalkoli fuq tnax-il xahar.

Il-Gvern Kanadiż, intant, żvela li l-popolazzjoni tal-Kanada – dejjem skont l-aħħar statistika — żdiedet minn 38,516,138 għal 39,566,248; bl-istatistika timmarka l-akbar rata ta’ żvilupp għall-poplu (bi 2.7 fil-mija) mill-1957.

Iż-żieda kienet xprunata, f’parti, mill-isforzi tal-Gvern biex jirrekluta l-immigranti lejn il-pajjiż bil-għan li jtaffi n-nuqqasijiet tal-ħaddiema fid-diversi oqsma. Dan waqt li l-Kanada qed tiddependi anki fuq l-immigrazzjoni biex tappoġġja popolazzjoni li dejjem qed tikber fl-età.

Intant, il-kelliema għal Statistics Canada qalu li l-ispinta fl-ammont tal-immigranti permanenti u temporanji kapaċi anki tirrappreżenta l-isfidi addizzjonali għal xi reġjuni tal-pajjiż fir-rigward ta’ housing, l-infrastruttura u s-settur tat-trasport – kif ukoll fil-qasam tas-servizzi lill-poplu.

L-immigrazzjoni internazzjonali fl-aħħar tnax-il xahar kienet l-ixprun ewlieni wara 96 fil-mija tal-iżvilupp tal-popolazzjoni.

Dan meta l-Prim Ministru Kanadiż, Justin Trudeau, dejjem qed jippjana biex jattira aktar immigranti lejn pajjiżu — u skont il-programm tal-Gvern kemm ilu li ħa r-riedni tal-Kanada fl-2015. U s-sena l-oħra, il-Gvern Kanadiż ħabbar pjan biex jibda jilqa’ sa nofs-miljun immigrant fis-sena sal-2025.