Lokali

Il-Kap tal-Public Policy fl-Università jgħid li l-Partit Laburista sar “Cosa Nostra”

Il-Kap tad-Dipartiment tal-Public Policy fl-Università ta’ Malta, Mario Thomas Vassallo, qed jgħid li l-Labour sar bħall-mafja.

Dan qalu permezz ta’ post fuq il-media soċjali fejn insista li l-Partit Laburista sar bħall-mafja ta’ ‘cosa nostra’ – jiddefendi lil ‘tal-familja’ minkejja li huma ħatja moralment, etikament u legalment.

Vassallo jispjega li dan huwa l-mod ta’ kif joperaw il-mażunerija u l-mafia. “Li mhux jinduna l-Partit Laburista huwa kemm qed inaffar Laburisti ġenwini li dejjem mxew skont is-sewwa, wettqu l-ġustizzja soċjali u jgħixu fil-kwiet bla ma qatt talbu xejn mingħand dawk fis-setgħa.”

Huwa ċar li Vassallo kien qed jirreferi għall-każ relatat maċ-chats ta’ Rosianne Cutajar, fejn id-deputat Laburista inqabdet tiftaħar ma’ Yorgen Fenech illi trid titħanżer. Dan apparti li ħarġu provi tar-rigali u l-flejjes li kienet tirċievi mingħand Fenech, meta diġa’ kien magħruf li huwa s-sid tal-kumpanija sigrieta 17 Black.

Iċ-chats ippubblikati fuq il-blog ta’ Mark Camilleri juru li Rosianne Cutajar kienet qed iddaħħal flus wara li baqgħet tiddefendi lil Yorgen Fenech fl-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa u tuża l-pożizzjoni tagħha biex titħanżer.

Fi kliem il-ġurnalist Mark Camilleri, dan kollu jikkonferma li l-Partit Laburista sa “organizzazjoni kriminali” li jirrenja bl-impunità u b’dak li hu sejjaħ ‘cover-up’ minn naħa tal-Pulizija.

Il-Pulizija minn naħa tagħha se tipproċedi kontra Mark Camilleri.