Lokali

“Il-Partit Laburista ma’ jistax jibqa’ fil-poter” – Mark Camilleri

Folla numeruża attendiet għall-protesta organizzata minn Repubblika bit-tema ‘Niddefendu lill-Ġurnalisti’ wara dak kollu li żvela l-ġurnalist Mark Camilleri hekk kif ftit tal-jiem ilu żvela ċ-chats bejn Yorgen Fenech u l-Membru Parlamentari Rosianne Cutajar.

Ritratt: Matthew Tabone

Waqt id-diskors tagħha, l-Viċi President ta’ Repubblika Alessandra Dee Crespo qalet li ninsabu f’pajjiż fejn l-awtoritajiet li suppost jiġru wara l-korotti li jikxfuhom il-ġurnalisti, jiġru wara l-ġurnalisti minflok. Jedduhom u jintimidawhom bil-ħabs. Hija qalet li pajjiżna jinsab f’sitwazzjoni li membru parlamentari, l-Avukat Ġenerali u l-Kummissarju tal-Pulizija qed jaħdmu flimkien sabiex jitfgħu ġurnalist l-ħabs.

Dee Crespo sostniet li dak li qal Mark Camilleri dwar Rosianne Cutajar kien fl-interess pubbliku li jsir magħruf għax kien jitratta l-imġieba u l-attitudni għall-korruzzjoni ta’ deputat tal-Gvern, ta’ Membru Parlamentari. Hija qalet li l-prosekuzzjoni ta’ Mark Camilleri hi attakk ieħor fuq id-dritt taċ-ċittadini Maltin li jkunu jafu kif l-uffiċjali li jeleġġu jonfqu l-flus in-nies u kif jiftħu l-bieb għall-kriminali u l-mafjużi. Hi kkonkludiet hekk kif qalet li l-istituzzjonijiet tal-Istat għal darba’oħra huma ingwanta tal-ħadid imlibbsa fuq il-ponn tal-kriminali.

Minn naħa tiegħu, Manoel Delia qal li f’pajjiżna qed naraw min juża l-liġi għal ħażin u rridu nirreżistuha b’kull mezz possibli għax kull liġi inġusta trid tiksirha. Huwa sostna li kull reat huwa privat u kull privatezza f’reat għandha tinkiser. Delia saħaq li l-Pulizija damu 12-il siegħa biex jinvestigaw lil Mark Camilleri iżda ilhom 7 snin sħaħ jinvestigaw il-każ tal-Panama Papers. Huwa qal li għandna nagħmlu din il-mistoqsija; X’reati ħallew għaddejjin għal 3 snin biċ-chats f’idejhom?

Manoel Delia qal pajjiżna jinsab maħtuf mill-mafja filwaqt li qal li rridu pajjiż fejn ġurnalist ma jkollux għalfejn jaħrab minn pajjiżu stess.

Waqt id-diskors tiegħu, il-ġurnalist Mark Camilleri qal li dawn iċ-chats ilhom fuq l-ixkaffa snin u ma ttieħdet l-ebda azzjoni. Barra minn hekk, huwa qal li l-Prim Ministru għamilha ċara li qed iżomm mal-kriminali filwaqt li qed jagħmlu ħsara kbira lill-pajjiż. Camilleri sostna li l-Partit Laburista abbanduna l-prinċipji soċjalisti u għażel lill-kriminali.

Mark Camilleri saħaq li l-Partit Laburista ma jistax jibqa’ fil-poter għaliex qegħdin fil-Gvern sempliċiment biex jitħanżru.

Fl-indirizz tiegħu l-President ta’ Repubblika Robert Aquilina qal li komplew jiġġieldu bil-provi f’idejhom u komplew jiġġieldu għaliex kienu jafu li jinsabu fuq in-naħa tal-verità. Huwa qal li ngħataw raġun għaliex marru quddiem il-Maġistrati u l-Imħallfin bil-provi f’idejhom.

Robert Aquilina qal li ebda investigazzjoni, ebda theddida ta’ ħabs, ġejja minn fejn ġejja, mhi se żżommom milli jkomplu jikxfu l-verità dwar kull każ li jaffaċċjaw. Huwa sostna li l-awtoritajiet irridu li jitfgħu lil Mark Camilleri l-ħabs għax kiteb u ppubblika l-verità…iridu jitfgħuh il-ħabs għax m’għamilx bħal “kulħadd” u qagħad jitħanżer magħhom.

Għal din il-protesta kien hemm preżenti l-MEP Nazzjonalista David Casa, id-Deputati Nazzjonalisti Mark Anthony Sammut u Beppe Fenech Adami kif ukoll is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Michael Piccinino.