Lokali

“Il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jħaddan politika ħajja u attiva” – Bernard Grech

Il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jkun viċin in-nies, fejn se jibqa’ jħaddan politika ħajja u attiva.

Kien dan il-qofol tal-messaġġ li wassal il-Kap tal-PN meta l-Ġimgħa filgħodu kompla b’sensiela ta’ żjarat f’lokalitajiet madwar Malta u Għawdex hekk kif din il-ġimgħa Bernard Grech iltaqa’ mal-Karkariżi.

Waqt numru ta’ laqgħat li kellu mar-residenti f’B’Kara, il-Kap tal-PN kellu l-opportunita li jisma’ t-tħassib u d-diffikultajiet li qed jesperjenzaw in-nies u anke sidien ta’ ħwienet.

Numru ta’ nies li ltqajt magħhom qalilu kemm qed isibu diffikultà biex ilaħħqu mal-prezzijiet li dejjem qegħdin jogħlew

Matul iż-żjara tiegħu f’din il-lokalità Bernard Grech żar ukoll Villa Chelsea kif ukoll l-istazzjon ta’ B’Kara.  

“F’Villa Chelsea apprezzajt u stajt nisma’ u nitgħallem il-ħidma kbira li ssir mill-Fondazzjoni Richmond, filwaqt li fl-istazzjon tal-ferrovija stajt napprezza wkoll parti mill-istorja tagħna u kif nistgħu nkomplu ninvestu biex l-istorja ta’ pajjiżna nkomplu nikkatalogawha kif suppost u napprezzaw dak kollu li huwa parti mill-istorja Maltija“.

Ma naqasx li l-Kap tal-PN jagħmel żjara f’Dar Pirotta li tagħti għajnuna u appoġġ lil persuni li għandhom abbiltajiet differenti sabiex iħosshom parti mill-komunità fejn jgħixu.

“Din hija l-politika tal-PN.. għax nemmnu li għandna nkomplu ninvestu fid-djar li jkunu fil-lokalità ħalli min għandu dawn it-tip ta’ diffikultajiet flok jgħix ġewwa istituzzjoni jkun jista’ jgħix f’lokalità qrib fejn ikun għex u trabba. F’dan is-sens il-politika tagħna tibqa’ ħajja u attiva u nibqgħu nkunu viċin in-nies, qalb in-nies għax dik hija l-politika li jħaddan il-Partit Nazzjonalista.”

Il-Kap tal-PN għamel żjara wkoll lill-President Emeritus u eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Eddie Fenech Adami kif ukoll żar numru ta’ wirijiet tal-Ġimgħa l-Kbira li qed jittellgħu fl-istess lokalità.

Preżenti mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech kien hemm id-Deputati Nazzjonalisti Beppe Fenech Adami, David Agius, Justin Schembri, l-MEP Nazzjonalista David Casa kif ukoll membri tal-Kumitat Sezzjonali tal-PN f’Birkirkara