Lokali Mużika

“Is-sbuħija f’kull persuna” – Jitnieda d-dokumentarju ‘Ġmielek’

Dokumentarju qasir li tnieda huwa t-tielet u l-aħħar parti tal-Proġett ‘Ġmielek’. Wara l-video mużikali u l-kollezzjoni tal-ġojjellerija li tnedew matul il-ġimgħa l-oħra, issa d-dokumentarju jkompli jibni fuq il-messaġġ qawwi tal-kanzunetta ‘Ġmielek’ ta’ Claudia Faniello.

Dan id-dokumentarju jagħti ċans lil għadd ta’ persuni jitkellmu dwar l-esperjenza individwali tagħhom b’kundizzjoni jew b’diffikultà partikolari. Ifissru realtajiet li kultant ma jinftiehmux mill-bqija tal-pubbliku. Sadanitant fid-dokumentarju li jinkludi lil Claudia Faniello nnifisha, juru li l-personalità individwali tagħhom tmur lil hinn mill-kundizzjoni jew id-diffikultà tagħhom.

Dan huwa preċiżament il-messaġġ importanti li xxerred il-kanzunetta li misset daqstant qlub u realtajiet. Il-Proġett ‘Ġmielek’ kien intiż biex ikompli jibni fuq il-ġid li għamlet il-kanzunetta. Fil-fatt filwaqt li nżamm l-użu tal-Lingwa tas-Sinjali, kemm il-kollezzjoni tal-ġojjellerija kif ukoll id-dokumentarju komplew jixħtu dawl fuq realtajiet differenti li jgħixu nies differenti fostna.

Claudia Faniello ddeskriviet id-dokumentarju bħala għeluq speċjali tal-Proġett ‘Ġmielek’ għax tassew irnexxielu jitfa’ dawl fuq ġrajjiet u esperjenzi reali li jeżistu madwarna. Hija esprimiet is-sodisfazzjon tagħha għall-effett li ħallew it-tliet partijiet tal-Proġett ‘Ġmielek’ li flimkien itambru l-messaġġ li l-arti għandha tkun aċċessibbli għal kulħadd.

Id-dokumentarju għandu produzzjoni ta’ Steven Levi Vella u Keane Cutajar.