Internazzjonali

Is-Sirja: Attakki fuq il-milizzji wara l-qtil ta’ kuntrattur Amerikan

L-Istati Uniti wettqet numru ta’ attakki mill-ajru fuq il-gruppi tal-milizzji appoġġjati mill-Iran u li għandhom il-bażijiet fl-artijiet Sirjani lejn il-lvant. Intant, l-Iran ma qal xejn dwar l-azzjonijiet li seħħew fuq id-direttiva speċifika tal-President tal-Istati Uniti Joe Biden, ftit wara li kuntrattur Amerikan spiċċa jitlef  ħajtu (fis-Sirja) waqt attakk bi drone.

Fl-attakki mill-ajru nqatlu numru ta’ ġellieda ‘favur l-Iran’, b’kelliema għall-militar Amerikan jgħidu li d-drone li qatel lill-kuntrattur kien ta’ oriġini Iranjana.

Din mhix l-ewwel darba li l-Amerikani wettqu l-attakki tal-ajru fuq l-elementi armati fis-Sirja li għandhom ir-rabtiet mal-Iran u bħala reazzjoni għal diversi azzjonijiet ostili fuq il-bażijiet tal-Amerikani fl-artijiet Sirjani lejn il-grigal.

Intant, l-aħħar azzjoni mill-qawwiet tal-ajru Amerikani seħħet ukoll wara sensiela ta’ attakki mill-gruppi affiljati ma’ din il-Gwardja Rivoluzzjonarja li mmiraw għall-qawwiet tal-Koalizzjoni (taħt it-tmexxija tal-Istati Uniti) fis-Sirja. Ingħad ukoll li fl-azzjoni ntlaqtu l-faċilitajiet ‘importanti’ tal-gruppi li qed jingħataw diversi tipi ta’ għajnuna mingħand l-Iran fundamentalista.

Il-kuntrattur Amerikan spiċċa maqtul meta d-drone laqat kumpless li jifforma parti minn bażi tal-Koalizzjoni viċin ta’ Hasakah – b’ħames membri tas-servizzi Amerikani jispiċċaw midruba.