Internazzjonali

L-Ukrajna: Inizjattiva konġunta għar-ritorn tat-tfal iddeportati

Il-Kummissjoni Ewropea u l-Gvern tal-Polonja qed jikkollaboraw f’inizjattiva konġunta bil-ħsieb li l-ammonti kbar tat-tfal Ukreni li spiċċaw iddeportati lejn territorji kontrollati mir-Russja jirritornaw d-dar, fl-Ukrajna.

Il-President tal-Kummissjoni, Ursula von der Leyen, qalet ċar u tond li d-deportazzjoni tat-tfal tikkostitwixxi reat tal-gwerra. Dan wara li l-Qorti Kriminali Internazzjonali, jiem ilu, ħarġet mandat għall-arrest tal-President Russu Vladimir Putin…Mandat li qed jingħad li għandu konnessjoni partikulari mad-deportazzjoni, fl-aħħar xhur, tat-tfal Ukreni mit-truppi ta’ Moska.

Intant, von der Leyen qalet li hi u l-Prim Ministru Pollakk, Mateusz Morawiecki huma impenjati biex jgħinu lit-tfal innoċenti li spiċċaw maħtufin mir-Russi u meta ‘il quddiem għandha ssir konferenza pan-Ewropea li tibbaża kollha kemm hi fuq dan l-impenn umanitarju. Il-President tal-Kummissjoni anki għamlitha ċara li t-triq ‘il quddiem se jkun diffiċli u li l-ħidma involuta teħtieġ ħafna żmien u dedikazzjoni.

Skont il-Kummissjoni Ewropea, ftit anqas minn 17,000 tfal spiċċaw iddeportati waqt il-Gwerra fl-Ukrajna u li minnhom 300 biss irritornaw lejn pajjiżhom.