Lokali Qorti

Mixli li hedded mara li qalilha li kien se jikkawża “massakru”

Raġel ta’ 38 sena minn Bormla tressaq il-Qorti akkużat li hedded u aggredixxa mara waqt ġlieda vjolenti. L-imputat, Stefano Montebello wieġeb mhux ħati tal-akkużi. L-Ispettur Colin Sheldon qal lill-maġistrat Astrid May Grima kif il-pulizija ntbagħtu għal rapporti ta’ inċident f’Bormla li kien jinvolvi il-missier u sieħba ta’ Montebello.

Allegatament Montebello kien qed jhedded li jagħtihom in-nar u jispara lill-annimali tagħhom b’airgun. Imbagħad huwa allegat li kompla jhedded u aggredixxa lill-mara, u fil-proċess għamel ħsara lill-iPhone 14 Pro Max tagħha. L-avukat tal-għajnuna legali ta’ Montebello, Mario Caruana, sostna fil-Qorti li waqt li kien fil-kustodja tal-pulizija, Montebello kien ittieħed l-isptar b’concussion, li jsostni li ġie ikkaġunat mill-allegat vittma li kienet laqtitu b’tazza.

L-avukat sostna wkoll li l-akkuża ta’ ħsara kriminali kienet tirreferi għal mowbajl li fil-fatt kien ta’ Montebello, u mhux tal-allegata vittma. L-Ispettur Sheldon, wieġeb għad-difiża billi qal li Montebello kien arrestat wara li kien hedded li jikkawża “massakru.”

Sheldon kompla jgħid li wara li nqraw id-drittijiet tiegħu, kien jidher ċar li minbarra li kien imbenġel u sturdut, Montebello kien qed isofri minn ferita f’rasu u sussegwentement ittieħed il-poliklinika, fejn il-ġrieħi tiegħu ġew iċċertifikati bħala mhux gravi. Il-Qorti ċaħdet it-talba tad-difiża għall-ħelsien mill-arrest. Huwa mifhum li l-pulizija biħsiebha wkoll tressaq akkużi kontra l-mara.