Lokali Mużika

Mużiċista żagħżugħa Maltija bl-awtiżmu mistiedna ddoqq f’festival internazzjonali fil-Finlandja

Alessia Bonnici, pjanista ta’ 17-il sena fuq l-ispettru tal-awtiżmu, se tkun qed iddoqq fil-Finlandja f’April li
ġej fl-Access Tampere Next Generation Culture Festival 2023. Alessia se tkun qed tippreżenta Ale’s Project,
video mużikali tagħha stess li pproduċiet flimkien ma’ artisti u prattikanti lokali waqt il-pandemija COVID-19,
lura fl-2021.

Alessia għandha passjoni għall-mużika u l-arti, mezzi li offrewlha mod alternattiv iżda b’saħħtu ta’ espressjoni li jippermettilha tesperjenza manjiera ta’ kif tkun fid-dinja li tagħti ferħ u sodisfazzjon bla għadd. Il-mużika pprovdiet Alessia b’sens ta’ libertà. Żiditilha l-kunfidenza biex tinteraġġixxi ma’ nies oħra u pprovditilha sens miżjud lil ħajjitha. Il-mużika mhijiex biss parti tad-dinja ta’ Alessia, però ttrasformat ħajjitha b’mod inkredibbli.

Matul l-ewwel tmien snin tagħha fil-Malta School of Music, Alessia studjat mal-pjanista u terapista mużikali Rosetta Debattista, li issa hi l-konsulenta kreattiva ta’ Villabianca. Fl-2021, hi bdiet titgħallem repertorju mingħand pjanista oħra, Gabi Sultana, li issa tesponi lil Alessia għal ġeneri ġodda eċitanti li jixirqu l-karattru mużikali tagħha.

Minħabba ż-żieda fil-passjoni mużikali tagħha, dan il-festival se jipprovdi lil Alessia b’opportunità doppja fi stadju kruċjali tal-karriera mużikali tagħha. Dan il-proġett se jinkoraġġixxi artisti professjonali oħra, u jippermettilhom jagħmlu użu ta’ mezzi ta’ espressjoni ġodda u kreattivi.

Alessia, Rosetta u Cynthia kellhom laqgħa kordjali mal-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca, Chair ta’ The Malta Trust Foundation u Kenneth Vella, l-Ambaxxatur ta’ Malta fil-Finlandja u l-Estonja.

Matul din il-laqgħa ġie diskuss il-parteċipazzjoni ta’ Alessia fl-Access Tampere, Next Generation Culture Festival 2023. Vella wera l-apprezzament tiegħu għal din l-inizjattiva, u ddikjara li diġá teżisti kollaborazzjoni b’saħħitha ma’ Tampere fis-setturi tal-edukazzjoni u l-isport. Hu rrimarka li dan il-festival se joħloq vjal ta’ opportunità biex jibdew jinbnew konnessjonijiet kulturali ma’ din il-belt vibranti.

Għal aktar tagħrif u biex taraw lil Alessia ddoqq żuru https://alessiabonnici.com/