Impenn għall-Ħarsien tal-Annimali Lokali

NGOs u attivisti kkonċernati dwar in-nuqqas ta’ leġislazzjoni dwar pet sitters, groomers u trainers

Nhar it-Tlieta 21 ta’ Marzu, is-siti kollha tal-midja soċjali tal-annimali kienu qed jitkellmu dwar każ fejn kelb li kien qed jinżamm f’boarding kennels ġie rritornat lil sidu b’kullar tax-xokkijiet imwaħħal ma’ għonqu.

Assoċjazzjoni għall-Annimali Abbandunati, Real Animal Rights Foundation, Vuci għall-Annimali, Kitty Guardians for Strays, Carers for Stray and Abandoned Felines, Buddy’s Lost and Found, Our Rescues Malta Foundation u Island Sanctuary flimkien ma’ numru ta’ attivisti tal-annimali jieħdu din l-opportunità biex jenfasizzaw l-fatt li bħalissa għad m’hemmx regolamenti għal pet sitters, groomers u trainers. Dan intqal fi stqarrija minn diversi NGOs u attivisti għall-anninali.

Fl-istqarrija intqal li l-Gvern għamel bidliet mingħajr konsultazzjoni pubblika fl-Att dwar il-Benessri tal-Annimali biex jippermetti iċ-ċirkli tal-annimali lura f’Malta, bidliet tant meħtieġa bħal standards għal breeders, trainers, groomers, u pet sitters intesew. Nistaqsu jekk il-pjan tal-Gvern hux li jippermetti l-istatus quo, biex b’hekk japprova suq mhux regolat għad-detriment tal-annimali u dawk li jipprovdu servizz xieraq?

Aħna infurmati li f’Malta hawn biss żewġ faċilitajiet irreġistrati għall-boarding tal-annimali domestici. Dan iwassalna biex nikkonkludu li kull stabbiliment ieħor li joffri l-istess servizzi qed jikser l-Att dwar il-Ħarsien tal-Annimali. Tfittxija ta’ malajr fuq l-internet fil-gruppi ta’ annimali fuq Facebook se ssib bosta stabbilimenti u individwi li joffru servizzi ta’ pet boarding u pet sitting.

Bħala NGOs tal-annimali nistaqsu jekk id-Dipartiment tal-Ħarsien tal-Annimali hux qed jimmonitorja u jiċċekkja dawn kif ukoll nistaqsu jekk id-dipartiment tal-AW għandu r-riżorsi meħtiega biex jimmonitorja u jinforza.

L-Att dwar il-Ħarsien tal-Annimali (S.L.439.15) klawzola 3 (1) tgħid li “Ħadd ma jista’ jopera stabbiliment tal-akkomodazzjoni tal-annimali mingħajr ma jkollu liċenzja.”

Hija ħasra li d-Dipartiment ta’ l-Animal Welfare ma jittieħedx bis-serjetà u huwa dipartiment nieqes mir-riżorsi umani, mingħajr struttura u aktar minn hekk m’hemmx il-leġiżlazzjoni xierqa biex jissalvagwardjaw anke l-istandards bażiċi tal-benessri tal-annimali għall-istat membru tal-Unjoni Ewropea.

Sa mill-2021 il-Kummissarju għall-Benessri tal-Annimali irrakkomanda uffiċjalment il-ħolqien ta’ standards. Minn dakinhar għaddew sentejn u ma kien hemm ebda azzjoni mill-Gvern f’dan ir-rigward.

Intant, fl-istqarrija huma għamlu appell lill-Gvern sabiex jippubblikaw white paper b’dawn l-istandards kif ukoll jagħmlu diskussjonijiet mal-NGOs tal-annimali bħala l-istakeholders li jirrappreżentaw lill-annimali.