Internazzjonali

Renju Unit: Tabib sospiż għal 6 xhur wara li vvjaġġa bil-kard ta’ martu li għandha t-trasport bla ħlas

Tabib fir-Renju Unit ġie sospiż għal 6 xhur minn xogħlu wara li uża l-kard ta’ martu – li għandha t-trasport b’xejn – sabiex jivjaġġa bl-Underground ta’ Londra.

Huwa għamel użu minn dan il-pass 55 darba bejn Diċembru tal-2021 u Frar ta’ 2022 fejn huwa kien weħel multa ta’ £500. Minn naħa tagħha t-tribunal sostniet li din hija problema serja ta’ diżonestà.

Il-Kunsill Ġenerali mediku jirrikonixxi li t-tabib mhuwiex ta riskju għall-pazjenti iżda l-aġir tiegħu ħalla impatt negattiv fuq il-kunfidenza tal-pubbliku fil-professjoni medika.

Barra minn hekk, it-tribunal saħaq li t-tabib għandu jiġi sospiż għaliex kiser regola fundamentali tal-professjoni medika hekk kif l-aġir tiegħu kien diżonest.

Minn naħa tiegħu, it-tabib qal li huwa beda juża dan il-pass għaliex ħass li kienet inġusta li kellu jħallas sabiex imur ix-xogħol waqt il-pandemija. It-Tribunal m’aċċettax din l-ispjegazzjoni hekk kif il-maġġoranza tan-nies kienu diġà ħadu l-vaċċin meta kien qed juża dan il-pass. Fit-tribunal ħareġ li inqas minn nofs ta’ dawn il-vjaġġi kienu għall-impjieg tiegħu fl-isptar filwaqt li l-kumplament tal-vjaġġi kienu għax-xogħol privat tiegħu. Uħud mill-vjaġġi ma kinux għal raġuni ta’ xogħol.