Lokali

Rosianne Cutajar ma ssemmix id-dħul mill-kuntratt tal-ITS fid-dikjarazzjoni tal-assi

Id-Deputat Laburista Rosianne Cutajar ma semmietx id-dħul li għamlet mill-kuntratt tal-ITS fid-dikjarazzjonijiet tal-assi li ppreżentat għas-sena 2019.

The Shift News żvelaw li Rosianne Cutajar daħħlet total ta’ €81,000 fi tliet snin mill-kuntratt tal-ITS meta hi kienet taħdem biss 24 siegħa fil-ġimgħa.

Is-sit elettroniku żvela wkoll kif il-Membru Parlamentari Laburista kienet qalet lil Yorgen Fenech li kienet se tidħol għall-irwol ta’ konsulenta tliet xhur qabel irċiviet it-tielet salarju.

Fiċ-chats żvelati minn The Shift News li jmorru lura għall-11 ta’ Lulju tal-2019 juru l-messaġġ ta’ Rosianne Cutajar fejn qalet li se tkun qed tieħu din il-pożizzjoni għax “ala biebi u ndaħħal paga oħra”.

Apparti din il-paga ta’ €27,000 kull sena, hi kienet qed taqla’ €44,000 mill-impjieg tagħha fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru u €31,000 oħra mill-Parlament.

Fid-dikjarazzjoni tal-assi, Cutajar niżlet li d-dħul tagħha għas-sena 2019 kien jammonta għal €74,000.. bl-istess Cutajar ma tispeċifikax eżattament minn fejn ġie dan id-dħul.

Ritratt: Times of Malta