Lokali Qorti

Seba’ xhur ħabs fuq serq u li sar reċidiv

Raġel ta’ 41 sena residenti l-Belt ġie kkundannat seba’ xhur ħabs wara li ammetta li f’Ottubru li għadda seraq cash register minn ħanut f’Ħal Qormi. Claudio Mallia ammetta quddiem il-Maġistrat Joseph Mifsud, li wettaq dan ir-reat fil-31 ta’ Ottubru 2022 għall-habta tal-10.55 u l-11.05 pm.

Il-prosekuzzjoni qaet li l-akkużat seraq il-cash register minn ħanut tal-ħwejjeġ li jinsab fi Triq l-Iljun. Mallia nstab ħati wkoll li dakinhar għamel b’€500 fi ħsarat u li għex ħajja t’għażż u vagabundaġġ, u li bir-reati li wettaq irrenda ruħu reċidiv.

Il-Maġistrat qal li l-piena m’għandhiex isservi bħala xi forma ta’ vendikazzjoni fil-konfront tal-ħati u li din għandha diversi skopijiet, fosthom biex issir ġustizzja u biex tiġi protetta s-soċjetà. Dan l-iskop jitwettaq kemm billi fil-każ ta’
persuni li b’għemilhom juru li huma ta’ minaccja għas-socjetà dawn jinżammu inkarċerati u għalhekk barra miċ-ċirkolazzjoni, kif ukoll billi, fil-kaz ta’ reati gravi, is-sentenza tibgħat messaġġ ċar li jservi ta’ deterrent generali.

Il-Qrati ta’ ġustizzja kriminali dejjem iridu jippruvaw isibu l-bilanċ gust bejn dawn u diversi skopijiet oħra tal-piena.
Illi ċ-ċirkostanzi ta’ kull każ huma partikolari għal dak il-każ u normalment ivarjaw radikalment miċ-ċirkostanzi ta’ kull kaċ iehor, qalet il-Qorti. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur James Mallia.