Lokali Qorti

Sentejn ħabs fuq argument li wassal biex raġel jaqla’ xeba’ u mbottat it-taraġ

Raġel ta’ 36 sena residenti Bormla ġie kkundannat sentejn ħabs mill-Maġistrat Marse-Anne Farrugia, wara li nstab ħati li weġġa’ raġel wara li mbottah it-taraġ f’Bormla. Minkejja li Radley Agius qal li kien hu l-vittma fil-każ, l-Qorti qalgħet li minn dak li semgħet u l-fatt li l-vittma sofra wkoll minn ksur u li anke huwa aktar kredibbli temmen li Agius mbotta lill-vittma għal tal-apposta. Il-Qorti kkundannat ukoll l-aġir tal-akkużat li beda jisfida lill-Pulizija.

Il-Qorti talbet ukoll li ssir investigazzjoni fil-konfront ta’ erba’ persuni li taw id-depożizzjoni tagħhom fuq il-każ u li iżda kollox jindika li xhedu b’mod falz. L-inċident seħħ fis-16 ta’ Lulju, 2019 bejn nofs inhar u 12.30pm.. Mill-provi fil-Qorti ħareġ li l-Pulizija ġiet informata li kien hemm argument fi Triq il-Gendus, Bormla.

Meta marru fuq il-post sabu raġel bi ġrieħi u ibnu jagħtih l-għajnuna. L-istorja bdiet meta f’dawk il-ġranet, il-vittma kien qed jilmenta li qed jidħollu d-drenaġġ fil-proprjetà tiegħu minn proprjetà fil-viċin. Dakinhar tal-inċident mar f’din ir-residenza jilmenta, u kien dak il-ħin li nqala’ argument.

Il-vittma qal li kien aggredit b’lasta ta’ xkupa minn raġel, li minn naħa tiegħy stqarr li l-vittma beda jsawwtu u jagħtih bil-ponn. Il-ġlieda li eskalat spiċċat viċin taraġ. Fl-istess blokka toqgħod bint sid il-proprjetà inkwistjoni u s-sieħeb tagħha, l-akkużat. Meta dawn semgħu l-għajjat u raw liż-żewġt irġiel jagħtu, niżlu isfel u ħarġu fit-triq. 

Il-vittma qal fil-Qorti li li Agius imbuttah u xkanah it-taraġ. L-akkużat qal li beda jimbutta lit-tnejn li huma biex iferraqhom. Konsegwenza ta’ dan l-inċident, il-vittma sofra diversi ġrieħi fosthom kiser subajgħ iż-żgħir ta’ idu l-leminija.

Il-Qorti, qalet li f’dan il-każ għandha żewġ verżjonijiet differenti ta’ dak li seħħ fosthom tal-vittma u ibnu u tal-imputat u s-sieħba tiegħu u familtha. Il-Qorti qalet li mhux se tidħol kif bdiet il-ġlieda minħabba li l-persuna involuta fil-bidu tal-argument mhux fil-proċeduri.

Il-Qorti nnotat kif xhieda minnhom gidbu meta qalu li ma raw xejn wara li l-imputat ferraq il-ġlieda u li ma rawx lill-vittma jaqa’ t-taraġ. Il-Qorti nnotat li din il-verżjoni lanqas taqbel mal-istqarrija tal-imputat. Qalet li dan ifisser li n-nuqqas tal-familjari tal-imputat li jgħidu l-verità ifisser li ma jridux jgħidu verament x’għamel l-imputat u għalhekk ix-xhieda tal-vittma u t’ibnu hija aktar kredibbli, li l-imputat deliberatament imbotta lill-vittma t-taraġ wara li feraqhom.

Il-Qorti qalet li l-vittma kiser subgħajh wara li l-vittma tgerbeb it-taraġ wara li l-imputat imbottah apposta. Il-vittma qal li storda wara l-waqgħa u kellhom jerfgħuh il-Pulizija sal-ambulanza. Fis-sentenza tagħha, il-Qorti qalet li l-vittma ma provokax lill-imputat u għalhekk ma kellu ebda raġuni għala wara li ferraqhom jimbottah it-taraġ.

Innotat kif skont ix-xhieda ta’ iben il-vittma, l-imputat wara li imbottah beda jgħajjat li ma jinteressahx mill-pulizija lanqas jekk jitla’ l-korp kollu ħadd ma jista’ jmissu. Minbarra li Agius ġie kundannat sentejn ħabs, l-Maġistrat ordnatlu li jħallas l-ispejjeż tal-Qorti. Il-Qorti ħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma.

Il-Qorti tat ukoll digriet fejn qalet li peress li fl-opinjoni tagħha, jidhrilha li Clayton Cassar, Francesca Saveria Fenech Taylor, Jessie Fenech u Manuela Fenech, meta xehdu quddiem il-Qorti, ma qalux il-verita, tordna li kopja tas-sentenza tingġieb a konjizzjoni tal-Kummissarju tal-Pulizija, biex wara investigazzjoni, jibda proċeduri kontrihom talli iddeponew il-falz f’din il-kawza. L-Ispettur Oriana Spiteri mexxiet il-Prosekuzzjoni.