Lokali

Waqt li tal-Labour “jitħanżru”, Clyde Caruana jrid li n-nies jissikkaw iċ-ċintorin

Filwaqt li tal-Labour qed ikomplu “jitħanżru” – kif iddikjarat id-deputat Laburista Rosianne Cutajar fiċ-chats ma’ Yorgen Fenech – il-Ministru tal-Finanzi Clyde Carauna, qed jerġa’ jitlob lill-poplu biex jissikka ċ-ċintorin.

Fil-Parlament, il-Ministru insista li l-Gvern, issa, se jkun bil-għaqal, wara 8 snin sħaħ itajjar miljuni ta’ ewro fid-deal ma’ Vitals u Steward. U wara konsulenzi bl-addoċċ, positions of trust u kuntratti għal tal-qalba; bħal dak li ħadet Rosianne Cutajar.

“Il-mod ta’ kif il-Gvern jonfoq, irid ikun għaqli għall-aħħar, il-Gvern irid ikun dixxiplinat aktar minn qatt qabel għal mod kif jonfoq il-flus”

Clyde Caruana lissen dan il-kliem aktar kmieni din il-ġimgħa; inċidentalment l-istess ġimgħa li fiha ġie żvelat kif Rosianne Cutajar daħħlet fil-but mal-€81,000 minn job part time li kellha mal-ITS.

Kien is-sit TheShift News illi wera biċ-ċar kif fi tliet snin, Rosianne Cutajar ħadet dawn l-eluf extra għall-konsulenza part-time li tat lill-ITS. Dan huwa l-istess job li Cutajar bdiet tiftaħar ma’ Yorgen Fenech li se tieħu, meta qaltlu li lesta titħanżer bħall-kumplament ta’ sħabha. Bil-Prim Ministru jibqa’ jiddefendiha.

Is-sit elettroniku ta’ TheShift spjega illi apparti l-ħlas ta’ €27,000 kull sena, hi kienet qed taqla’ €44,000 mill-impjieg tagħha fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru u €31,000 oħra mill-Parlament – total ta’ €102,000 fis-sena.  

U filwaqt li d-deputati tal-Gvern qed idaħħlu dawn il-flejjes, in-nies qed jintalbu jagħmlu s-sagrifiċji.

“Jekk qabel kont immur nagħmel xirja f’supermarket, u kienet tiġi tiswa mal-€220, illum tiġi tiswa €280 u €290, u dan in-nies iħossuh”

Intant, għadu mhux ċar x’se jagħmel il-Gvern biex inaqqas mill-ispiża tiegħu, u liema setturi se jkunu qed jaraw dak li Clyde Caruana sejjaħ “dixxiplina”.

Li hu żgur hu, li sa issa, il-Gvern għadu ma rkuprax l-€400 miljun li l-poplu insteraq mid-deal frowdulenti tal-isptarijiet.