Lokali Qorti

Żagħżugħ jingħata l-pleġġ wara allegat “road rage” fix-Xemxija

Żagħżugħ ta’ 21 sena minn Ħad-Dingli ngħata l-ħelsien mill-arrest wara li tressaq il-Qorti b’rabta ma’ ‘road rage’ fix-Xemxija l-Ħamis filgħodu li ħalla żewġ residenti fil-viċinanzi feruti, wieħed minnhom gravi. L-Ispettur Christian Cauchi ressaq il-Qorti lil Adam Zammit Soler, sid konġunt bi sħab ta’ kumpanija tal-kostruzzjoni, quddiem il-Maġistrat Astrid May Grima.

Zammit Soler kien akkużat li attakka raġel u mara, li weġġa’ gravi lill-mara u li weġġa’ ħafif lir-raġel, wara inċident tat-traffiku fix-Xemxija. Filmat tal-inċident ttella’ fuq Facebook il-Ħamis stess minn Arnold Cassola, iżda dan wara tneħħa.

Il-ġlieda x’aktarx li faqqgħet minħabba inċident żgħir.

L-allegati vittmi, it-tnejn li huma b’għajnejom suwed u minfuħin, inizjalment kienu preżenti fil-Qorti il-Ġimgħa filgħodu iżda ntalbu jitilqu peress li x’aktarx ikunu meħtieġa jixhdu fi stadju aktar tard.

Fil-Qorti, Zammit Soler wieġeb mhux ħati tal-akkużi mipjubin kontrih. L-avukati difensuri tiegħu, Nicholas Mifsud u Robert Gauci Maestre, talbu li l-imputat jingħata l-ħelsien mill-arrest. L-Ispettur Cauchi oġġezzjona għat-talba. L-Avukat Mifsud sostna li l-ġurisprudenza stabbiliet li s-serjetà tal-akkużi ma kinitx raġuni valida biex qorti tirrifjuta l-libertà proviżorja.

Filwaqt li antiċipa l-argument li kien hemm xhieda ċivili għad iridu jixhdu, l-avukat qal li l-liġi kellha mekkaniżmi, bħal ordnijiet ta’ protezzjoni, li jekk jinkisru kienu jġorru piena kważi ħarxa daqs l-akkużi oriġinali li qed jiffaċċja l-imputat. Huwa ssuġġerixxa li d-difiża kienet ukoll fil-pussess ta’ filmati tal-inċident li, qal, juru li l-attakk kien ipprovokat. “Għandu 21 sena, għandu kumpanija li timpjega 10 persuni.

X’gwadann hemm meta jinżamm arrestat bi spejjeż tal-Istat meta nistgħu neħilsuh fuq garanzija taħt kundizzjonijiet stretti?” staqsa l-avukat, filwaqt li żied li l-inċident kien seħħ fix-Xemxija, fejn kien qed jaħdem l-imputat. Mifsud qal lill-Qorti li mistennija joħorġu wkoll akkużi kontra l-allegati vittmi. “Se niżgura li jinħarġu għax għandi filmati li juru l-provokazzjoni,” huwa qal.

L-Ispettur Cauchi oġġezzjona għat-talba għall-ħelsien mill-arrest, u spjega li l-pulizija ġiet avviċinata mill-persuna li kienet ħadet il-filmati. “Dik il-persuna qaltli li kienet rat il-kommossjoni mit-tieqa tagħha. L-imputat kien waqqaf l-aggressjoni meta raha tħares lejh.”

“Id-difiża għandha raġun tgħid li reati gravi jew xhieda ċivili mhumiex raġunijiet għal rifjut ta’ libertà proviżorja biss,” qal l-avukat tal-parte civile Shazoo Ghaznavi lill-qorti: “Imma hawn għandna t-tnejn. Inutli ngħidu li għandu 21 sena biss, jimpjega 10 persuni… il-vittmi huma żgħar u għandhom familji wkoll.”

Wara li semgħet is-sottomissjonijiet taż-żewġ naħat fuq pleġġ, il-Qorti laqgħet it-talba tad-difiża, bl-imputat jinħeles mill-arrest u ordnat biex ma javviċinax jew jikkuntattja lill-allegati vittmi, kontra depożitu ta’ €5,000 u garanzija personali ta’ €10,000. Zammit Soler kien ordnat ukoll jiffirma bail book kuljum u josserva curfew. Inħarġet ordni ta’ protezzjoni favur l-allegati vittmi.