Sport Sport Ieħor

Futsal: Luxol St. Andrews Champions għall-ħames staġun konsekuttiv

Luxol St Andrews rebħu l-kampjonat għall-ħames staġun konsekuttiv meta fil-Padiljun tal-Iskola Nazzjonali tal-Isport għelbu lil Swieqi United 8-1 fit-tieni finali minn tlieta mill-Enemed Futsal Premier League.

It-tim minn St Andrews kien diġa’ rebaħ l-ewwel finali 8-2 jumejn ilu u b’rebħa setgħu aċċertaw ruħhom mit-titlu. Dan seħħ sabiex it-tim immexxi minn Gabriel Dobre kompla juri s-supremazija tiegħu f’dawn l-aħħar snin.

F’din it-tieni logħba, Swieqi kellhom neqsin diversi plejers fundamentali hekk kif il-goalkeeper Brandon Debono u l-plejer Emerson Molina kienu sospiżi filwaqt li Michael Borg kien imweġġa’. Huma taw qalbhom speċjalment fl-ewwel taqsima fejn bdew jiddefendu bi ħġarhom għalkemm fit-tieni taqsima kellhom iċedu għall-qawwa tal-avversarji tagħhom.

Min-naħa ta’ Luxol dawn kellhom neqsin lis-sospiż Emil Raducu u l-imweġġgħin Andre Ciancio, Stefan Vella u Carl Azzopardi. Huma kellhom it-tieni taqsima perfetta fejn skorjaw żewġ gowls f’temp ta’ 40 sekonda u minn hemm ‘l hemm il-logħba ħadet xejra oħra.

Il-captain Mark Zammit poġġihom fil-vantaġġ f’nofs l-ewwel taqsima sabiex fit-tieni taqsima żied ieħor għat-tim tiegħu l-istess bħalma għamlu Everton Veve u Maicon li wkoll niżżlu isimhom darbtejn fil-ktieb tal-iskorers. Ryan Marmara u Robert Stoyanov kienu l-awturi taż-żewġ gowls l-oħra għal Luxol.

Roller Santiago Cruz naqqas il-marġni tal-iskor għal Swieqi.

Fi tmiem il-logħba, il-president tal-FMA Mark Borg ippreżenta t-tazza lill-captain Mark Zammit bil-plejers u diriġenti ta’ Luxol fis-seba’ sema wara dan il-ħames suċċess konsekuttiv.

Referees: Clint Cassar, Jude Amin Utulu, Andrea Naudi.