Futbol Sport

”Huwa importanti li noħorġu bl-istess attitudni li ħriġna biha kontra l-Maċedonja ta’ Fuq” – Matthew Guillaumier

(Ritratt: Domenic Aquilina)

Lejliet it-tieni logħba tat-tim Nazzjonali Malti minn Grupp C ta’ Kwalifikazzjoni għall-EURO 2024 kontra l-Italja ta’ Mancini, f’konferenza tal-aħbarijiet,Michele Marcolini kkonferma li mill-24 plejer magħżula għal dawn l-ewwel żewġ logħbiet, kullħadd huwa disponibli ħlief forsi li xi plejers għadhom xi ftit għajjenin mill-partita kontra l-Maċedonja ta’ Fuq.

Huwa qal li r-riskju tat-tim Taljan f’partiti bħal dawn hu li ġieli jieħduha bil-mod iżda wara li fl-ewwel logħba sofrew telfa kontra l-Ingilterra, qed nistennew reazzjoni kontra Malta. Marcolini qal ukoll li għalkemm l-avversarju huwa wieħed b’saħħtu, it-tim Malti mhux se jkun qed jintefa kompletament jiddefendi. Madankollu meta tilgħab ma tim ta’ dan il-kalibru awtomatikament issib ruħek tagħlaq l-ispazji.

Mistoqsi dwar l-attakkant Rategui, Marcolini qal li huwa plejer tal-kaxxa u li meta ġieħ iċ-ċans ħadu jekk ikompli b’dan ir-ritmu għandu jagħti daqqa t’id lit-tim Taljan, iżda jispera li għada ma jagħmilx dan. Dwar il-logħbiet preċedenti ta’ Malta kontra l-Italja, Marcolini qal li jispera li bħalma ġieli għamel, it-tim Malti ikun ta’ għadma iebsa għall-Azzurri fejn semma wkoll il-logħba meta tkeċċa d-difensur Franco Baresi.

Marcolini temm jgħid li jaħseb li t-tim Taljan se jkun qed joħloq iċ-ċansijiet u għalhekk id-difiża għandha tkun attenta u tagħlaq l-ispazji kollha.

Min-naħa tiegħu fl-uniku kummenti li ta, il-midfielder ta’ Ħamrun Spartans Matthew Guillaumier qal li t-tim qed jistenna logħba diffiċli ħafna u għalhekk huwa importanti li l-plejers jilagħbu bl-istess attitudni li ħarġu biha kontra l-Maċedonja ta’ Fuq.

Wara l-konferenza tal-aħbarijiet it-tim Malti kellu sessjoni ta’ taħriġ fl-Istadium Nazzjonali bil-media lokali u internazzjonali setgħu isegwu 15-il minuta minn din is-sessjoni.

(Ritratt: Mark Zammit Cordina)